Published on Thursday 19 September 2024

Teatru Malta, it-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, ingħaqdu flimkien għall-edizzjoni oħra tal-inizjattiva Studio Francis Ebejer. Wara proċess ta’ għażla, ġew magħżula tliet drammi biex jiġu żviluppati aktar.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ Studio Francis Ebejer bħala pjattaforma kruċjali għall-istejjer bil-Malti. Huwa enfasizza li din l-inizjattiva hija strumentali kemm għall-kittieba emerġenti kif ukoll għal dawk stabbiliti, billi toffri opportunità unika biex ikollna prodotti xogħlijiet ta’ kwalità għolja f’lingwa Maltija. 
 
Il-Ministru Bonnici ħeġġeġ lill-kittieba biex jibbenefikaw minn din l-opportunità u jagħtu l-ħajja lil narrattivi Maltin innovattivi, filwaqt li rrikonoxxa l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali bħala investiment fil-wirt kulturali tal-pajjiż, u esprima s-sodisfazzjoni tiegħu biex jara l-istejjer ġodda li se jitwieldu minn din l-edizzjoni.
 
Min-naħa tagħha, Mary Ann Cauchi, Direttur fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet “Studio Francis Ebejer huwa qafas għat-trawwim tal-istejjer bil-Malti, li joffri pjattaforma essenzjali kemm għall-kittieba tal-iskripts emerġenti, kif ukoll għal dawk stabbiliti. Il-Kunsill jappoġġja inizjattivi li jiċċelebraw u jelevaw il-lingwa nazzjonali tagħna permezz tat-teatru u r-radju. Din il-kollaborazzjoni hija investiment fil-wirt kulturali tagħna, li jagħti s-setgħa lill-kittieba biex jagħtu l-ħajja lil narrattivi eċitanti Maltin. Inħarsu ’l quddiem sabiex naraw il-vuċijiet u l-istejjer ġodda li se joħorġu mill-edizzjoni ta’ din is-sena.” 
 
Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar tenna b’sodisfazzjon il-fatt li l-inizjattiva ta’ Studio Francis Ebejer qed tkompli tikber u tkompli tippromwovi narrazzjoni Maltija b’narrattivi li għandhom messaġġ qawwi u f’waqtu. “Dawn ix-xogħlijiet magħżula mhux biss jirriflettu l-istorja u d-dinamika soċjali kontemporanja tagħna iżda jagħtu wkoll lok għal diskussjonijiet ġodda. Inħarsu ’l quddiem biex nagħtu ħajja lil dawn l-istejjer.”
 
Is-Sur Buhagiar kompla li hekk kif din is-sena qed niċċelebraw il-100 anniversarju mit-twelid ta’ Francis Ebejer, dan se jiġi ċċelebrat b’serje ta’ avvenimenti li se jonoraw il-kontributi tiegħu għal-letteratura u t-teatru Maltin. “L-anniversarju se jkun ċelebrazzjoni vera tal-wirt li ħalla warajh, bi produzzjonijiet, u l-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet miġbura tiegħu, filwaqt li jiġi żgurat li l-istejjer tiegħu jkomplu jingħataw il-ġieħ li ħaqqhom mill-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid is-Sur Buhagiar.
 
Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi qal li “din l-inizjattiva mġedda tibqa’ essenzjali għat-tkabbir kontinwu tas-settur tat-teatru Malti, billi tipprovdi kemm lid-drammaturgi emerġenti kif ukoll dawk stabbiliti l-pjattaforma biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jippreżentaw kunċetti u ideat innovattivi. Dawk magħżula se jkunu mgħammra bir-riżorsi meħtieġa biex jirfinaw l-iskripts tagħhom u biex dawn jittellgħu b’mod professjonali u ta’ kwalità għolja fl-ispazji ewlenin tagħna għall-ispettakli. Barra minn hekk, l-inizjattiva tippromwovi kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-entitajiet involuti, u ttejjeb il-kontributi tagħhom b’mod produttiv u ta’ benefiċċju reċiproku.”
 
Din it-tħabbira ssegwi sejħa għall-kittieba tal-iskripts biex jissottomettu u jiżviluppaw drammi għat-teatru u għal fuq ir-radju, b’enfasi partikolari fuq ix-xogħlijiet bil-lingwa Maltija. Ix-xogħlijiet magħżula huma:
 
1. “Ġimgħa l-Ħabs” minn Chantelle Micallef Grimaud – Dan id-dramm storiku b’messaġġ qawwi ambjentat fl-1825 intgħażel biex jiġi prodott minn Teatru Malta, u huwa skedat għall-2026. Id-dramm jirrifletti t-temi tal-ġustizzja, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u r-reżistenza soċjali.
 
2. “S.O.F.I.A” minn Anthony Portelli – Kummiedja satirika li tesplora r-relazzjonijiet moderni, l-intelliġenza artifiċjali u l-valuri tas-soċjetà. Din se tiġi prodotta mit-Teatru Manoel u toffri interpretazzjoni umoristika iżda li fl-istess ħin iġġiegħel lil dak li jkun jaħseb dwar ir-rabta bejn it-teknoloġija u l-imġiba.
 
3. “Ċama Ċama” minn Gabriel Lia – Din in-narrattiva komunitarja li żgur se tinteressa lil dak li jkun, ambjentata fl-isfond ta’ festa Maltija, tidħol fil-kunflitti soċjopolitiċi tat-tradizzjoni, ir-reliġjon u r-regħba personali, u se tiġi prodotta minn Spazju Kreattiv.
 
4. Barra minn hekk, se jiġi żviluppat u prodott ukoll id-dramm rebbieħ għal fuq ir-radju, bit-titlu “Fuq il-Bjut” minn Vince Vella. Dan id-dramm huwa ambjentat matul ir-Rivoluzzjoni Eġizzjana tal-2010-2011 u jesplora l-ħajja ta’ dawk l-individwi li kienu jgħixu fuq il-bjut tal-Kajr matul żminijiet ta’ taqlib soċjali kbir.
 
B’tifkira tal-100 anniversarju mit-twelid ta’ Francis Ebejer, l-istituzzjonijiet kollaboraturi qed jippjanaw sensiela ta’ avvenimenti biex jiċċelebraw il-wirt li ħalla warajh. F’Ottubru, it-Teatru Manoel se jerġa’ jtella’ l-produzzjoni tant imfaħħra “Għażiż Francis”, immexxija minn Peter Busuttil. F’April, Spazju Kreattiv se jippreżenta lejla mużikali b’qari drammatizzat ta’ siltiet magħżula mir-rumanzi ewlenin ta’ Ebejer. F’Awwissu, se tittella’ produzzjoni speċjali bit-titlu “Vum Barala Zungara u min kitibha”, b’adattament minn Albert Marshall li se tlaqqa’ flimkien lil Teatru Malta, ŻfinMalta u KorMalta tal-NAPA fi spettaklu kollaborattiv storiku ġewwa l-Forti Sant Iermu. Din il-produzzjoni se tkun iffinanzjata mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjoni Nazzjonali għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju.