L-aktar sitwazzjoni li effettwat ix-xogħol tiegħi bħala kompożitur, kif ukoll bħala producer kien il-fatt li l-bookings internazzjonali kollha li kelli fl-2020 ġew posposti, peress li l-festival konċernat dik is-sena ġie kkanċellat. Din għalija kienet “reality check” kbira. Sitt bookings waqgħu mil-llum għall-għada. Dan kien ifisser ukoll li tlift madwar 50% tal-qligħ tiegħi għal dik is-sena.
Proġett ieħor li kelli nikkanċella ġimgħa qabel it-tnedija, kien “Kafka’s Insect”. Kont ili aktar minn sena naħdem fuq din il-produzzjoni li kienet saħansitra kisbet l-għajnuna tal-Malta Arts Fund.
Is-sena ta’ qabel (2019) kont ġejt maħtur direttur artistiku tal-Malta International Arts Festival (MIAF). Meta faqqgħet il-COVID kellna kollox imħejji għall-edizzjoni tal-2020 ... iżda bħat-teatri u festivals kollha internazzjonali, hekk ukoll bil-MIAF bdejna nħejju programm online. Nistqarr li din kienet sfida interessanti għalija. Kont ili snin napplika l-vidjografija fix-xogħol tiegħi u għalhekk ħessejtni komdu li nuża dan il-medium bħala “vetrina” għall-MIAF.
MIAF 2020 – YouTube playlist
https://youtube.com/playlist?list=PLmBHxB6JVjttti0aSdyDZNZjUZW4XYwer
L-online vidjow fil-fatt sar il-“palk” il-ġdid għal kull teatru, festival, arena, teatru tal-opra ... eċċ. U din ħolqot demokrazija interessanti bejn l-istrutturi kulturali kollha internazzjonali. Il-Palais Garnier (Opéra National de Paris) u l-MIAF issa għandhom l-istess “spazju” ... l-ispazju virtwali tal-internet. U għandhom l-istess “palk” ... dak tal-mobile, tablet jew computer.
Ħaġa oħra li seħħet bla ħsieb fl-ewwel fażi tal-COVID kienet vidjow qasir li ġbidt tal-partner tiegħi Dawn, iddoqq it-toy piano fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Bla ma nafu kif, dan il-vidjow kiseb ’il fuq minn 8000 view fi ftit ġranet fuq facebook. Il-vidjow ixxerred fuq diversi blogs internazzjonali tal-mużika ... tant li l-kumpanija tat-toy pianos Schoenhut, lil Dawn bagħtitilha l-akbar mudell tagħhom b’xejn mill-Amerka.
5 MEASURES OUT by OLIVIA KIEFFER
https://www.facebook.com/398903443536406/videos/2540409992729691
Ovvjament il-vidjow qatt ma jista’ jieħu post l-esperjenza ta’ kunċert live ġewwa teatru. Iżda il-vidjow iġib miegħu vantaġġi u sorpriżi interessanti. Wieħed mill-vidjows ġodda li pproduċejna għall-MIAF 2020 kien dak tal-kanzunetta “Kemm Hu Sabiħ” b’arranġament ġdid ta’ Kris Spiteri f’kollaborazzjoni mal-Malta Philharmonic Orchestra (MPO).
Kemm Hu Sabiħ (MIAF 2020)
https://www.facebook.com/324697727231/videos/1631378390362747
Fi spirtu ta’ soledarjetà, involvejna 17-il kantant lokali u r-riżultat kien tassew spettakolari. Fi ftit ġranet dan il-vidjow kiseb aktar mill-15000 view fuq facebook u hemm indunajt kemm dan il-mezz għandu saħħa. L-attivitajiet tal-MIAF normalment jiġbdu udjenza ta’ madwar 500 ruħ ...iżda dan il-vidjow wasal għand eluf, bil-konsegwenza li jippromwovi kemm il-festival kif ukoll l-artisti. Fil-fatt dan il-proġett tant ħassejtu li kien suċċess, li fl-edizjoni tal-2021 ipproponejt vidjow ġdid. “Fejn il-Baħar” (Down by the Water) tal-grupp The Characters - b’arranġament ġdid ta’ Kris Spiteri f’kollaborazzjoni mal-MPO.
Fejn il-Baħar (MIAF 2021)
https://www.facebook.com/324697727231/videos/811778533041048
F’Lulju tal-2020 kelli ferħa bla temma! Festival f’Ċipru bbukkja waħda mill-produzzjonijiet tiegħi: il-ballet “PARADE & the Velvet Gentleman”. Dan il-festival kien maħsub li jittella’ f’Ottubru 2020 u kont eċitat li fl-aħħar, wara 6 xhur wieqaf, ġiet opportunità ta’ safar u ta’ xogħol. Iżda ma kellux ikun, għax f’Awwissu Malta ġiet red zone u l-booking tħassar. Niftakar li d-direttur artistiku tal-festival f’Ċipru qalli li jkun ta’ reklam ħażin għall-festival jekk nuru li se nġibu artisti minn Malta! Jidher li għalissa se jkolli nibqa’ nikkuntenta bl-ispazju virtwali tal-vidjow u tal-internet! ... iżda kif semmejt qabel, il-medium tal-vidjow jinteressani u l-opportunitajiet baqgħu ġejjin. Ġejt misteden nidderieġi l-kunċert tal-indipendenza tal-MPO f’Settembru tal-2020:
Kunċert tal-Indipendenza 2020
U f’Novembru jien u Dawn ġejna mistiedna mit-Three Palaces Festival biex nikkontribwixxu sensiela ta’ vidjows bħala parti mill-programm tal-2020.
Out of the Cage
Iżda naħseb li minn dawn kollha, l-aktar proġett għal qalbi huwa LA PIETÀ. Fi Frar ta’ din is-sena, iddeċidejt li nidderieġi u nipproduċi vidjow li kien ilu snin iberren f’moħħi. Kollox beda b’kunċett li naqleb is-sessi fil-Pietà ta’ Michelangelo: in-nudo tal-korp ta’ Kristu jsir mara u l-figura tal-Madonna ssir raġel. Għall-bidu, dan kien biss kunċett u ma kontx ċert kif l-aħjar jissarraf. Iżda wara ħafna ħsieb iddeċidejt li noħloq sekwenza koreografika għal vidjow ... dak li llum jissejaħ “videodance”; koreografija maħsuba speċifikament għall-video. L-idea kienet li nippreżenta dan il-vidjow ġewwa Spazju Kreattiv bħala installazjoni minn Marzu tul il-Ġimgħa l-Kbira sa Ħadd il-Għid. Iżda anki din id-darba, ix-xitan reġa’ deffes denbu, għax ftit ġranet qabel it-tnedija kellna lockdown. Għall-inqas din id-darba l-proġett stajt inxerrdu fuq YouTube:
LA PIETÀ – a videodance project
Words by Ruben Zahra.
Submitting ...
Saving ...
Any applications related to this entity, will also be automatically deleted.