Published on Thursday 10 December 2020

L-Istrateġiji Kultural Reġjonali jippromwovu t-tisħiħ tal-komunità bit-twettiq tal-potenzjali tal-individwi, l-iżvilupp tal-udjenzi, u l-innovazzjoni tal-wirt kulturali.

Għaddi: an experiential walk through Kalkara  – proġett tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, Esplora Interactive Science Centre u l-artista Kristina Borg, bil-kollaborazzjoni tal-grupp taż-żgħażagħ tal-Parroċċa tal-Kalkara u l-approvazzjoni tal-Kunsill  Lokali tal-Kalkara https://www.facebook.com/Ghaddikalkara/

"Thinking about culture as if people mattered" Francois Matarasso, A Restless Art, How participation won, and why it matters (Calouste Gulbenkian Foundation 2019) 

Din l-inizjattiva tfisser li l-ħames reġjuni ta’ Malta u Għawdex għandhom, għall-ewwel darba, kull wieħed l-istrateġija tiegħu għat-tisħiħ tar-reġjun – permezz tal-ġid kulturali uniku tar-reġjun, pjanijiet meqjusa għal attività sostenibbli, ta’ stoffa u eqreb tal-komunità, u l-involviment ta’ kull bniedem fil-komunità skont l-interessi, il-ħiliet, il-ħtiġijiet u l-bagalji personali tiegħu. Kull waħda minn dawn l-istrateġiji tfasslu bl-akbar kura u reqqa mal-komunitajiet rispettivi tal-istess reġjun.

Dawn l-istrateġiji huma eżempju ħaj ta’ fidi sħiħa fit-tħabrik intersettorali u l-qsim tal-għarfien għall-ġid tal-komunità – f’dal-każ: bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Kunsill Malti għall-Arti.

Creative Christmas Workshop for the Community – proġett tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju (L-Imqabba), megħjun taħt il-programm Komunitajiet Kreattivi (ġestit mill-Kunsill Malti għal-Arti).

Ma għadux żmien, jekk qatt kien, li noħolqu kalendarji ta’ attivitajiet immirati purament biex jiġbdu t-turiżmu u jiġġeneraw il-kummerċ. Dawn l-istrateġiji jixprunaw it-tlaqqigħ kreattiv ta’ dixxiplini varji sabiex niżguraw li jkollna, kontinwament, reġjuni ibaqbqu bil-ħajja. Dawn l-istrateġiji jagħrfu kemm ix-xjenzi, it-teknoloġija u l-oqsma tal-arti huma lkoll għejun li l-komunità jeħtiġilha tixrob minnhom biex tissaħħaħ, u kemm inkunu mqarrqa jekk naħsbu li xi qasam minnhom huwa aktar denju jew essenzjali mill-oħrajn.

Dawn l-istrateġiji jfittxu l-ftuħ għal ideat u esperjenzi differenti, il-kumdità bl-iskumdità, il-qsim u l-immasimizzar tar-riżorsi, l-edukazzjoni u l-iżvilupp, l-iskambju ta’ għarfien, il-ħsieb kritiku u matur, il-kollaborazzjoni mibnija fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproku, l-umiltà, l-għożża għall-ambjent u l-wirt kulturali, l-ekonomija tal-esperjenza, l-ispazju fejn kulħadd iħossu ta’ ġewwa, it-trasferibbiltà tal-ħiliet, l-integrità u l-prattika tajba.

"The arts give us our identity as a community; they also draw new people, fresh visions, and renewable economic opportunity to our community" Gavin Newsom.

Kollox ma’ kollox, dawn l-istrateġiji tnisslu u ssawru fi żmien ta’ tiġdid sfiq u eċitanti għall-qasam kulturali f’pajjiżna – waqt li għaddejjin jinħmew, fost l-aktar għodod mistennija fil-qasam, il-Politika Kulturali l-ġdida, l-Istrateġija Kulturali l-ġdida, l-ewwel manwal ta’ prattika tajba u t-twettiq tad-drittijiet kulturali f’pajjiżna, tiġdid qawwi fil-mekkaniżmi ta’ għajnuna lill-individwi u l-organizzazzjonijiet impenjati fil-ħidma kulturali, il-ħolqien ta’ pjattaformi varji għall-konsultazzjoni, l-iskambju u l-kollaborazzjoni, u l-involviment fuq pjattaformi varji kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Fuq kollox, dawn l-istrateġiji sabuna maħkuma, aktar minn qatt qabel, minn għatx li ma bħalu biex niltaqgħu u nitħalltu u biex infittxu żvog u wens. Sabuna fi żmien li ssokta wriena kemm l-idjoma kreattiva hija imprezzabbli, kemm għall-kwalità tal-ħajja, il-moral u s-saħħa mentali tagħna, kif ukoll biex tgħinna nifhmu ’l xulxin u nimxu ’l quddiem. Qajla ħadd ifittixhom, postijiet bla ħajra, bla kulur, bla leħen u bla widen, bla enerġija, komunitajiet fjakki li la jafu ’mnejn ġejja u wisq anqas ’il fej’ sejra.

Collective Memories Collective Live – proġett ta’ The Critical Thinking Institute, megħjun taħt il-programm Komunitajiet Kreattivi (ġestit mill-Kunsill Malti għal-Arti).

Dan hu l-valur tal-investiment fil-ħiliet kulturali u kreattivi fis-settur pubbliku, fil-konsultazzjoni u r-riċerka, u fis-sensitizzar u l-ispirazzjoni tal-komunitajiet tagħna. Dan hu l-valur – li, filwaqt li jagħti palata ġmielha lill-industrija, l-ekonomija, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja, il-koeżjoni, id-dinjità, it-turiżmu, il-prosperità, il-kuntentizza fil-pajjiż, it-total tiegħu jisboq sew is-somma ta’ kull waħda mill-partijiet.