Titnieda l-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 7 April 2026

Tnediet uffiċjalment l-Istrateġija 2030 waqt avveniment li għalih attendew stakeholders kulturali, prattikanti, artisti, u rappreżentanti mis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.

L-istrateġija l-ġdida tistabbilixxi d-direzzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-snin li ġejjin u tfasslet biex tindirizza, permezz ta’ qafas prattiku u strutturat, ir-realtajiet li s-setturi kulturali u kreattivi qed jaffaċċjaw bħalissa.

L-istrateġija tagħraf il-kumplessità tal-prattika artistika u l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet stabbli li fihom il-kreattività tista’ tiffjorixxi. Il-qafas huwa mibni fuq tliet pilastri: l-iżvilupp professjonali, id-drittijiet kulturali, u l-internazzjonalizzazzjoni.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, qal: “L-Istrateġija 2030 tirrifletti l-impenn ta’ dan il-Gvern biex iqiegħed il-kultura u l-arti fiċ-ċentru tal-iżvilupp fit-tul ta’ Malta. Il-kultura tifforma parti integrali mill-progress nazzjonali. Permezz ta’ din l-istrateġija qed insaħħu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-artisti, lill-organizzazzjonijiet u lill-komunitajiet kreattivi jikbru b’kunfidenza, jippjanaw minn qabel, u jibnu xogħol li jkun sostenibbli tul iż-żmien. Fl-istess waqt, nagħrfu li l-kultura hija settur ħaj, imfassal minn teknoloġiji ġodda, udjenzi li qed jinbidlu, u forom ta’ espressjoni li qed jevolvu. Ir-rwol tal-Gvern mhuwiex li jikkontrolla l-kreattività, iżda li jipprovdi l-istabbiltà, il-fiduċja u d-direzzjoni li jippermettulha tiffjorixxi. B’dan il-mod, qed ninvestu f’settur li jsostni l-edukazzjoni, imexxi l-innovazzjoni, isaħħaħ il-komunitajiet u jikkontribwixxi għall-iżvilupp usa’ ta’ pajjiżna f’konformità mal-Viżjoni 2050.”

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti waqt it-tnedija tal-Istrateġija qal “Strateġija 2030 mhijiex biss dokument, imma pass deċiżiv lejn ekosistema kulturali aktar b’saħħitha, sostenibbli u inklussiva, mibnija fuq id-dritt għall-kultura, l-iżvilupp professjonali u l-internazzjonalizzazzjoni. Hija tirrikonoxxi li l-arti mhijiex dekorazzjoni, iżda pilastru ċentrali li jsawwar l-identità, il-benesseri u l-ekonomija ta’ pajjiżna, u li l-kreattività għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Fuq kollox, hija stedina kollettiva biex flimkien nibnu futur fejn il-kultura hija tassew ta’ kulħadd, settur li jħaddan il-potenzjal tiegħu, jikber b’viżjoni ċara, u jpoġġi lil Malta b’kunfidenza fuq il-palk internazzjonali.”

Is-Sur Daniel Azzopardi, Direttur tal-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “L-Istrateġija 2030 hija mibnija fuq il-fehim li settur kulturali b’saħħtu jeħtieġ aktar minn rieda tajba. Jeħtieġ il-kundizzjonijiet it-tajba biex jikber: prattiki ġusti, ippjanar fit-tul, aċċess sinifikanti, u opportunitajiet ċari għall-iżvilupp. Ta’ kuljum naraw kemm il-ħajja artistika hija sostnuta mill-passjoni, mill-impenn u mill-komunità. Iżda l-passjoni waħedha mhijiex biżżejjed. Għalhekk, Strateġija 2030 hija mfassla biex tgħin fil-ħolqien ta’ ambjent aktar sostenibbli li fih l-artisti u l-organizzazzjonijiet jistgħu jimxu mill-prekarjat għall-iżvilupp professjonali fuq terminu twil, filwaqt li jkomplu jsaħħu r-rabta bejn il-ħajja kulturali lokali, id-drittijiet kulturali, u l-iskambju internazzjonali.”

“L-Istrateġija 2030 mhijiex biss pjan ta’ azzjoni, iżda qafas ħaj mibni fuq smigħ attiv, riċerka kontinwa u ko-kreazzjoni mas-settur—strateġija li tirrikonoxxi l-kultura bħala ekosistema soċjali kumplessa, u li tadatta b’mod dinamiku biex tirrifletti u ssostni r-realtajiet, l-isfidi u l-potenzjal tal-artisti u l-komunitajiet,” qalet Prof. Valerie Visanich, il-ko-awtriċi tal-Istrateġija 2030.

L-Istrateġija 2030 hija msejsa fuq ħames prinċipji ewlenin li jaħdmu tul erba’ areas strateġiċi. Dawn jinkludu l-inklużjoni u d-diversità, ir-rappreżentanza demokratika, u l-benesseri bħala kundizzjonijiet essenzjali għal ekosistema kulturali sostenibbli li timraħ lil hinn minn xtutna. L-istrateġija tqis ukoll il-bidla diġitali u l-impatt tagħha fuq il-prattika kulturali, inkluża l-preżenza tal-intelliġenza artifiċjali u l-mistoqsijiet li din tqajjem dwar l-etika, ir-responsabbiltà ambjentali, u l-futur tax-xogħol kreattiv.

L-istrateġija hija maqsuma f’55 punt ta’ azzjoni li ser jiggwidaw l-implimentazzjoni tagħha. Dawn l-azzjonijiet se jkunu sostnuti minn roadmaps dettaljati, strutturi ta’ monitoraġġ, u rapportar pubbliku regolari, bil-għan li jiġu żgurati t-trasparenza filwaqt li sseħħ evalwazzjoni kontinwa.

Il-pilastru tal-iżvilupp professjonali jiffoka fuq it-tisħiħ tal-istrutturi li jsostnu lill-artisti, lill-kreattivi, u lill-organizzazzjonijiet kulturali tul iż-żmien. Dan jinkludi t-tfassil ta’ mezzi li jwasslu għal karriera sostenibbli, kuntratti trasparenti, ħlas ġust, u kundizzjonijiet tax-xogħol li joffru aktar stabbilità.

Il-pilastru tad-drittijiet kulturali jqiegħed l-aċċess, l-inklużjoni, id-diversità, ir-rappreżentanza demokratika, u l-benesseri fiċ-ċentru tal-politika kulturali. Dan jirrifletti l-prinċipju li l-arti u l-kultura jibdew fil-komunitajiet u jissawru mill-esperjenza tal-ħajja, mill-parteċipazzjoni, u mill-immaġinazzjoni ta’ dawk li joħolqu.

Il-pilastru tal-internazzjonalizzazzjoni jirrifletti l-impenn kontinwu ta’ Malta biex issostni l-firxa internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi tagħha. Hekk kif l-artisti u l-organizzazzjonijiet Maltin ikomplu jinvolvu ruħhom ma’ pjattaformi u udjenzi lil hinn minn Malta, l-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-kundizzjonijiet li jippermettu li dan l-iskambju jikber b’mod sostenibbli u sinifikanti, filwaqt li ssaħħaħ il-viżibbiltà tal-produzzjoni u l-kummerċ kulturali barra minn Malta.

Id-dokument sħiħ jista’ jitniżżel minn https://artscouncilmalta.gov.mt/l-istrategija/

Skip to content