Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) ħabbar żewġ inizjattivi ġodda mmirati biex isaħħu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.
Żewġ kollaborazzjonijiet indipendenti minn xulxin mal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u l-Fondazzjoni għall-Artiġjanat Malti, se jaraw lill-KMA jaħdem id f’id ma’ sħab ewlenin biex jinħolqu aktar opportunitajiet għall-artisti, l-artiġjani, u l-prattikanti kreattivi biex jiffjorixxu, waqt li jingaġġaw lill-pubbliku f’esperjenzi kulturali sinifikanti.
Jinfetaħ Post Kulturali f’Ta’ Qali
Il-KMA u l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali qegħdin jingħaqdu biex jipprovdu spazju sikur u li jilqgħek li fih l-artisti jistgħu jiltaqgħu, joħolqu, u jesebixxu xogħlijiethom lil udjenzi diversi.
Il-kollaborazzjoni hija mibnija fuq viżjoni komuni li tipprijoritizza il-viżibbiltà, il-preservazzjoni, u l-innovazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi billi tipprovdi miri strateġiċi ċari li jibdew minn inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità u jibqgħu sejrin sa programmi ta’ appoġġ għall-artisti. L-azzjonijiet ewlenin jinkludu:
- Parteċipazzjoni tal-artisti: Promozzjoni tal-opportunitajiet għall-artisti biex jikkontribwixxu għall-kalendarju artistiku u kulturali tal-park.
- Trawwim u residenzi: Jingħata spazju għal laqgħat, tixrid tal-informazzjoni, u residenzi kreattivi, appoġġjati mill-għarfien espert u r-riżorsi tal-KMA.
- Bini tal-kapaċità: Jittellgħu żewġ avvenimenti ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-park involuti fil-programmar artistiku u kulturali, biex jiġi żgurat li jadottaw prattiċi tajba u etiċi fl-impenn tagħhom mal-komunità kreattiva.
- Appoġġ tal-intrapriża: Jiġu offruti riżorsi u gwida biex jitrawmu intrapriżi kreattivi, li jippermettu tkabbir sostenibbli fi ħdan is-settur.
“Sodisfatt ħafna b’din il-kollaborazzjoni mal-KMA. Dan hu frott il-ħidma u l-viżjoni tagħna li mill-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, nestenduh ukoll f’opportunitajiet ġodda għall-arti u l-kreattività qalb l-akbar spazju aħdar pubbliku f’pajjiżna,” ikkummenta Jason Micallef, il-Kap tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Tintefa’ Attenzjoni fuq is-Settur Artiġjanali
It-tieni inizjattiva tinvolvi lill-KMA jingħaqad mal-Fondazzjoni għall-Artiġjanat Malti (FAM) biex jiffoka ħalli jgħolli l-istatus tal-prattikanti kulturali u kreattivi fi ħdan is-settur artiġjanali. Din il-kollaborazzjoni tfittex biex temanċipa lill-artiġjani waqt li trawwem innovazzjoni u sostenibbiltà fi ħdan l-industrija tal-artiġjanat.
F’dan ir-rigward, il-KMA se jinvestu fil-Premju Ġieħ l-Artiġjanat, li jippromwovi kollaborazzjonijiet bejn artiġjani u disinjaturi. Se jiġi allokat investiment akbar fil-organizzazzjoni tad-DesignMT, vetrina ta’ kreattività fejn it-tradizzjoni tiltaqa’ mal-innovazzjoni.
“Bħala Fondazzjoni għall-Artiġjanat Malti, inħossuna kuntenti u eċitati biex niffirmaw dan il-ftehim, li jibni fuq ix-xogħol li għamilna f’dawn l-aħħar snin u jippermettilna nsaħħu aktar il-kollaborazzjoni tagħna mal-Kunsill Malti għall-Arti. Permezz tal-isforzi konġunti tagħna, ħerqanin biex niżviluppaw il-potenzjal ta’ opportunitajiet ġodda għall-artiġjani u l-artisti, nestendu l-appoġġ tagħna biex ngħinuhom jimmanuvraw madwar ir-realtajiet tal-lum, u noħolqu impatt fit-tul li minnu jibbenifika l-pajsaġġ kulturali” stqarr il-Kap Uffiċjali Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Elton Micallef.
Din il-kollaborazzjoni se tkompli tgħolli s-settur artiġjanali billi permezz tagħha se nappoġġjaw lill-artiġjani bħala prattikanti kulturali, u nipprovdu riżorsi, kif ukoll taħriġ u assistenza.
Mary Ann Cauchi, l-Uffiċjal Kap Fondi u Strateġija, stqarret: “Dawn iż-żewġ ftehimiet huma ggwidati u magħġuna mill-prinċipji u pilastri ewlenin li jipprovdu s-sisien tal-Istrateġija 2025, jappoġġjaw it-tkabbir kulturali waqt li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul taż-żmien. Permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet, il-KMA jkompli jrawwem l-espressjoni artistika, l-iżvilupp professjonali, u l-involviment tal-komunità. Se nkomplu naħdmu biex nistabbilixxu livelli ġodda għas-sħubijiet kulturali f’Malta billi nippromwovu l-eċċellenza u l-innovazzjoni, il-qsim tal-għarfien, il-professjonalizzazzjoni u s-sostenibbiltà.”
Iż-żewġ ftehimiet se jseħħu matul it-tliet snin li ġejjin, bi gruppi ta’ ħidma magħmulin minn rappreżentanti tal-partijiet kollha jaqsmu għarfien u aġġornamenti permezz ta’ laqgħat regolari.
Għal aktar informazzjoni, tista’ żżur https://artscouncil.mt/
