Is-sħubija ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ Malta mal-politika u n-networks professjonali Ewropej fis-settur tal-ispettakli diretti
Il-Kunsill Malti għall-Arti ngħaqad ma’ Pearle* – Live Performance Europe, in-network Ewropew li jirrappreżenta organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-mużika, fl-arti tal-ispettaklu u fl-ispettakli diretti.
Stabbilita fl-1991, Pearle* tirrappreżenta aktar minn 14,000 teatru, postijiet għall-kunċerti, kumpaniji tal-produzzjoni, orkestri, kumpaniji tal-opri, tal-ballett u taż-żfin, festivals, promoturi u organizzazzjonijiet professjonali oħrajn permezz tas-sħubija tagħha. Il-ħidma tagħha tikkombina r-rappreżentazzjoni tas-settur fil-livell Ewropew mal-iskambju professjonali, l-għarfien espert dwar politika u n-networking fis-settur wiesa’ tal-ispettakli diretti.
Permezz tas-sħubija tiegħu, il-Kunsill Malti għall-Arti se jikseb aċċess għal network Ewropew ta’ mexxejja kulturali, esperti dwar politika u esperti legali, flimkien ma’ opportunitajiet biex jieħu sehem f’konferenzi, gruppi ta’ ħidma u laqgħat speċjalizzati. Pearle* ssegwi wkoll żviluppi regolatorji u żviluppi dwar politika tal-UE li jaffettwaw is-settur, inklużi l-politika kulturali, l-affarijiet soċjali u dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-taħriġ, il-mobilità, id-drittijiet tal-awtur, it-tassazzjoni u s-sostenibbiltà.
Bis-saħħa tas-sħubija ma’ Pearle*, il-Kunsill Malti għall-Arti issa għandu kanal importanti ieħor li permezz tiegħu jista’ jinteraġixxi direttament mal-konverżazzjonijiet u l-iżviluppi tal-politika li qed isawru l-ispettakli diretti mal-Ewropa kollha. Toħloq ukoll opportunitajiet għall-iskambju tal-għarfien ma’ organizzazzjonijiet li jiffaċċjaw bosta mill-istess mistoqsijiet bħas-settur tagħna f’Malta, filwaqt li noffru l-esperjenza u l-perspettiva tagħna stess fid-diskussjonijiet.
Din l-isħubija tagħmel parti mill-ħidma kontinwa tal-Kunsill Malti għall-Arti biex isaħħaħ in-networks internazzjonali tiegħu u jiżgura li s-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta jibqgħu konnessi mal-iżviluppi, il-kompetenza esperta u l-opportunitajiet fil-livell Ewropew.
Għal aktar informazzjoni, żur https://www.pearle.eu/.