Il-Premju tal-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan is-Sovereign Art Foundation jingħata lil Christina Sciberras

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 7 May 2026

L-artista żagħżugħa se tirċievi għotja ta’ €2,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti biex tkompli t-taħriġ u l-edukazzjoni tagħha fl-arti viżiva.

Il-Premju tal-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan is-Sovereign Art Foundation Students Prize Malta & Gozo ngħata lil Christina Sciberras, studenta fis-St Martin’s Institute of Higher Education, ghax-xogħol bit-titlu ta’ What Time Leaves Behind. Il-premju tħabbar minn Dr Nikki Petroni, Kap tal-Istrategija, waqt iċ-ċerimonja tas-Sovereign Art Foundation Students Prize Malta & Gozo li saret fis-16 ta’ April.

Il-premju tal-Kunsill Malti għall-Arti jikkonsisti f’għotja ta’ €2,000 għat-taħriġ u l-edukazzjoni fl-arti viżiva. Organizzat mis-Sovereign Art Foundation, il-premju jagħraf ix-xogħol ta’ studenti fl-iskejjel sekondarji u s-sixth forms, flimkien mal-kontribut tad-dipartimenti tal-arti fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom. Din l-inizjattiva toffri pjattaforma importanti lil artisti żgħażagħ biex jippreżentaw ix-xogħol tagħhom, jiżviluppaw il-prattika artistika tagħhom, u jiksbu rikonoxximent f’kuntest usa’.

Meta tkellem dwar l-inizjattiva, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, qal: “Is-Sovereign Art Foundation Students Prize Malta & Gozo joffri pjattaforma importanti lill-artisti żgħażagħ biex jesploraw il-kreattività tagħhom u biex ix-xogħol tagħhom jingħaraf f’kuntest professjonali u internazzjonali. Inizjattivi bħal dawn jirriflettu l-impenn tagħna li nsaħħu l-edukazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni, u l-professjonalizzazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi lokali, filwaqt li nkomplu nħarsu lejn futur aktar sostenibbli u parteċipattiv għall-arti f’Malta u Għawdex.”

Dr Petroni żiedet: “Dan il-premju jifforma parti mill-għan strateġiku tal-Kunsill li jinvesti fit-taħriġ u fl-iżvilupp kontinwu tat-talent lokali sa mill-ewwel stadji tal-mixja artistika. L-appoġġ li qed noffru lil artista tant żagħżugħa f’dan il-mument joffrilha mezz li taċċessa aktar opportunitajiet ta’ tagħlim, biex b’hekk tkun tista’ ssaħħaħ il-ħiliet tagħha, u tibda tħares lejn il-prattika kreattiva tagħha bħala xi ħaġa li tista’ tkompli tikber lil hinn mill-klassi.

“Il-kollaborazzjoni mas-Sovereign Art Foundation turi wkoll kif kollaborazzjonijiet mas-settur privat jistgħu joħolqu opportunitajiet prattiċi għall-artisti u l-prattikanti kulturali. Billi tlaqqa’ flimkien istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet kulturali, u appoġġ mis-settur privat, inizjattivi bħal din jgħinu biex jinbena perkors aktar b’saħħtu għall-kreattivi żgħażagħ, filwaqt li jħeġġuhom ikomplu jiżviluppaw il-vuċi, il-kunfidenza, u l-ambizzjonijiet professjonali tagħhom.”

“Huwa privileġġ enormi għalina fi ħdan Sovereign Art Foundation li jkollna sehem fl-appoġġ tal-aspirazzjonijiet għall-karrieri għall-artisti żgħażagħ f’Malta u Għawdex,” qal Stephen Griffiths, id-Direttur Maniġerjali ta’ Sovereign Trust Malta. “Nagħtu valur kbir lill-kollaborazzjoni tagħna mal-Kunsill Malti għall-Arti u huwa l-pjaċir tagħna li nikkontribwixxu f’inizjattivi li jipprovdu opportunitajiet siewja lil żgħażagħ kreattivi biex jiżviluppaw ħiliethom, jiksbu rikonoxximent, u jibnu l-kunfidenza fil-passi li jmiss tagħhom fl-arti viżwali.”

Aktar informazzjoni dwar il-premjijiet tinsab fuq https://artscouncilmalta.gov.mt.

Skip to content