Inizjattiva li tiċċelebra l-libertà tal-espressjoni artistika u l-aċċess għall-kultura għal kulħadd f’Malta
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tnedija ta’ kampanja nazzjonali ta’ għarfien immirata lejn il-promozzjoni tad-Dritt għall-Kultura. L-inizjattiva, li hija mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti, tiċċelebra l-libertà tal-espressjoni artistika u l-aċċess għall-kultura għal kulħadd fejn tisħaq dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni u l-aċċess kulturali.

Il-kampanja bdiet b’installazzjoni pubblika ddisinjata sabiex toħloq esperjenza kulturali komuni. Tliet kubi kbar ġew armati ħdejn il-Funtana Tritoni, viċin id-daħla tal-Belt Valletta, b’kull waħda minn dawn titfa’ dawl fuq dixxiplina kreattiva differenti.
Waqt it-tnedija, seħħew prestazzjonijiet live ġewwa u madwar il-kubi, b’inkoraġġiment għal interazzjoni, libertà artistika, u konnessjoni aktar profonda fost dawk preżenti.
Il-Ministru Bonnici qal li: “Din il-kampanja tirrifletti l-impenn kontinwu tal-gvern li jpoġġi l-kultura fil-qalba tal-iżvilupp nazzjonali. Permezz ta’ investiment sostnut u appoġġ immirat, aħna mhux biss qed inwettqu l-wegħda elettorali tagħna sabiex insaħħu s-settur kulturali iżda qed niżguraw ukoll li l-ebda artist jew komunità ma jitħallew lura. Id-Dritt għall-Kultura mhux biss slogan imma hija wegħda li aħna attivament qed inwettqu.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal, “Id-Dritt għall-Kultura huwa fil-qalba tal-Istrateġija tal-Kunsill għaliex aħna nemmnu li l-parteċipazzjoni kulturali qatt m’għandha tkun privileġġ—hija dritt fundamentali uman. Għalina, din mhux sempliċiment buzzword—hija sejħa għall-azzjoni. Din il-kampanja hi pass ieħor lejn li nagħmlu dan it-twemmin tanġibbli billi noħolqu toroq konkreti għall-artisti sabiex jiżviluppaw u jiffjorixxu, hekk kif nisfruttaw firxa ta’ skemi ta’ fondi li jappoġġjaw l-aċċess, l-inklużjoni, u l-parteċipazzjoni. L-għan tagħna huwa li niżguraw li kull artist, irrispettivament mill-isfond jew dixxiplina, ikun jista’ jaċċessa l-appoġġ li għandu bżonn sabiex jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-ħajja kulturali ta’ Malta.”
Il-kampanja se tkun viżibbli madwar Malta b’viżwali li għandhom l-għan li jqajmu l-kurżità u jixprunaw l-involviment mad-Dritt għall-Kultura bħala prinċipji ta’ gwida għat-tfassil tal-politika u l-prattika kulturali. Ammont ta’ materjal relevanti se jkun ppubblikat online u f’siti pubbliċi sabiex b’hekk tiġi promossa aktar l-aċċessibbiltà ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li numru ta’ testimonjanzi se jkunu ppubblikati. It-testimonjanzi għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-artisti sabiex jifhmu aħjar id-dritt għall-kultura u jesploraw kif dawn jistgħu attivament jeżerċitaw dan id-dritt fil-prattika tagħhom, u jsiru aktar mgħarrfa fuq il-forom ta’ appoġġ disponibbli għalihom u kif jistgħu jibbenefikaw minn tali opportunitajiet.

Bħala parti minn dan l-isforz wiesa’ sabiex jibdel il-prinċipju fi prattika, il-kampanja titfa’ dawl ukoll fuq il-Pakkett ta’ Riżorsi tad-Dritt għall-Kultura—toolkit b’xejn disponibbli f’format stampat, online, kif ukoll f’audiobook, kemm bil-Malti u bl-Ingliż. Il-kampanja tiggwida lill-kreattivi fuq kif għandhom jużawh bħala għodda tanġibbli sabiex jagħmlu x-xogħol tagħhom aktar inklussiv, aċċessibbli, u relevanti għall-komunitajiet li jaħdmu magħhom.
Għal aktar informazzjoni żur https://artscouncilmalta.gov.mt/.