Imħabbra l-lista estiża ta’ proġetti li ser jibbenefikaw mill-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iscreen

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 28 August 2025

22 applikant li laħqu l-kriterji meħtieġa qed jiġu miżjuda mal-lista ta’ proġetti li jibbenefikaw mill-iskema 

Il-Kunsill Malti għall-Arti, bħala parti mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, għadu kif ħabbar il-lista sħiħa ta’ 55 proġett li ser ikunu qed igawdu mill-fondi tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iscreen taħt il-fergħat 1 – 5.

L-iskema, li għalqet fil-15 ta’ April, oriġinarjament kienet tużufruwixxi minn investiment ta’ €1.8. L-iskema attirat numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet li marru oltre il-livell mistenni, u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu investiti €860,000 oħra sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi dawk il-proġetti kollha li ikkwalfikaw.

Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, L-Artijiet u L-Gvern Lokali, stqarr: “Hawnhekk qed naraw każ eċċezjonali fejn tant rajna talent promettenti ili kienet tkun ħasra li ċerti proġetti, li għandhom potenzjal daqs l-ewwel 36 li ħabbarna, jispiċċaw fix-xejn. Dan kien investiment ta’ bla ħsieb li issa laħaq is-somma ġeneruża ta’ €2,660,000. Ħadna dan il-pass għax il-gvern jinsab konxju ferm li s-settur tal-films domestiċi għandu bżonnijiet urġenti, u għalhekk bi ħsiebna inkomplu naħdmu bis-sħiħ sabiex il-wegħdiet li għamilna lejn dan is-settur inwettquhom.”

Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, żied jgħid: “Meta din l-iskema għaddiet għall-ewwel darba taħt idejn il-Kunsill,  l-istrateġija tagħna kienet ċara mill-bidu. Qbilna mal-partijiet interessati li kien hemm bżonn ta’ investiment akbar. U hekk kif rajna numru rekord ta’ proġetti li jġibu unur lill-industrija, rajna kif għamilna sabiex inkunu nistgħu ngħinu lil kull min ħaqqu, mingħajr ma ħadd jitħalla barra.”

L-applikazzjonijiet għas-9 Fergħa  tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iscreen bħalissa tinstab miftuħa għal proġetti li waslu fil-fażi tal-promozzjoni internazzjonali, hekk kif ser jiġu investiti €100,000 oħra  fil-promozzjonii tal-films domestiċi sal-aħħar ta’ din is-sena. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-18 ta’ Novembru, 2025.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit https://artscouncilmalta.gov.mt/.

Skip to content