Il-Premju għall-Istudenti tal-Fondazzjoni Arti Sovrana 2025: Il-Premju mill-Kunsill Malti għall-Arti jmur għand studenta tal-Junior College

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 22 December 2025

Artista żagħżugħa tirċievi għotja ta’ €2,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti biex tkabbar l-iżvilupp artistiku tagħha.

Il-premju mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Premju għall-Istudenti tal-Fondazzjoni Arti Sovrana 2025 ingħata lil Sofia Rubasheva. L-artista żagħżugħa, studenta tal-Junior College meta ngħata l-premju, kisbet dan il-premju premezz tax-xogħol artistiku tagħha Homage to Gogol (akriliku fuq karta).

Il-premju jinkludi għotja ta’ €2,000 offruta mill-Kunsill Malti għall-Arti biex Rubasheva tkabbar l-iżvilupp artistiku tagħha. Permezz ta’ din l-għotja, l-istudenta qed tippjana li fl-2026 tipparteċipa f’korsijiet qosra f’akkademja ewlenija tal-arti f’Firenze biex issaħħaħ il-ħiliet tagħha u twessa’ l-prattika kreattiva tagħha.

Imwaqqaf fl-2012, il-Premju għall-Istudenti tal-Fondazzjoni Arti Sovrana 2025, jiċċelebra l-importanza tal-arti fl-edukazzjoni u jirrikonoxxi l-kwalità tax-xogħlijiet artistiċi maħluqa minn studenti fi skejjel sekondarji madwar id-dinja. Permezz tal-għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Arti, l-istudenti minn Malta u Għawdex qed jingħataw l-opportunità biex jikbru u fl-istess ħin jingħataw pjattaforma li tieħu xogħolhom quddiem udjenza globali.

F’kelmtejn dwar din l-inizjattiva, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli kkummenta: “Il-Premju għall-Istudenti tal-Fondazzjoni Arti Sovrana 2025 jagħti pjattaforma imprezzabbli lill-artisti żgħażagħ biex permezz tagħha jesploraw il-kreattività tagħhom u jiġu rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Il-premju jikkonsolida l-impenn tagħna li nrawmu kultura ta’ edukazzjoni, internazzjonalizzazzjoni u professjonalità fi ħdan is-settur kulturali u kreattivi lokali. Waqt li qed inkomplu bil-proċess ta’ konsultazzjoni tagħna għall-Envision 2050, ħerqana li nkomplu ngħinu inizjattivi bħal dawn, li jirriflettu l-prinċipji ġenerali tagħna li fuqhom qed nibnu għal ġejjieni aktar b’saħħtu u sostenibbli.”

“Il-Fondazzjoni Arti Sovrana bi pjaċir tħabbar li qed tissieħeb mal-Kunsill Malti għall-Arti,” stqarr Stephen Griffiths, id-Direttur Maniġerjali tas-Sovereign Trust (Malta) Limited u l-prinċipal tal-Fondazzjoni Arti Sovrana ta’ Malta. “L-għanijiet ta’ din il-Fondazzjoni u tal-Kunsill Malti għall-Arti jimxu fuq l-istess binarji minħabba li qabelxejn it-tnejn nemmnu li t-talent u l-espressjoni artistika għandhom jiġu mrawma u żviluppati permezz tas-sistema edukattiva. L-espressjoni artistika mhux biss tippermetti liż-żgħażagħ iwasslu x’jaħsbu dwar id-dinja madwarhom, imma fiha nnifisha hija wkoll passatemp pjaċevoli li tista’ twassal għal karriera ta’ suċċess u sodisfazzjoni fl-industrija kreattiva. Il-premju offrut mill-Fondazzjoni Arti Sovrana għandu l-għan li jgħin lill-iskejjel u l-istudenti f’Malta b’rikonoxximent fuq pjattaforma internazzjonali flimkien ma’ premju monetarju.”

Skip to content