Serje t’inizjattivi mħabbra mill-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 2 April 2025

New collaboration aims to boost visibility and professional development opportunities for creatives in the publishing industry

Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) u l- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iffirmaw ftehim sabiex isaħħu l-appoġġ għal illustraturi u disinjaturi tal-grafika Maltin li jaħdmu fis-settur tal-pubblikazzjoni. Din il-kollaborazzjoni ta’ tliet snin se tintroduċi serje t’inizjattivi mmirati biex iżidu opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali, jespandu viżibbiltà internazzjonali, u jrawmu integrazzjoni akbar bejn l-arti u l-letteratura.

L-isħubija tagħmel enfasi b’saħħtu fuq l-edukazzjoni u l-espożizzjoni, u toffri appoġġ finanzjarju għal parteċipazzjoni fil-London Book Fair, filwaqt li tappoġġja avvenimenti ewlenin bħall-Festival tal-Ktieb ta’ Malta u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Mary Ann Cauchi, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat għall-Finanzjament u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, elenkat l-impatt aktar wiesa’ tal-inizjattiva: “L-irwol vitali li l-ippubblikar u l-letteratura għandhom fit-tfassil tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta huma stabbiliti fl-Istrateġija 2025 tagħna. Il-kollaborazzjoni tal-KMA mal-KNK hija pass strateġiku lejn it-tisħiħ tal-industrija tal-pubblikazzjoni f’Malta, li trawwem innovazzjoni fid-disinjar tal-kotba u l-illustrazzjoni, u tespandi n-numru ta’ qarrejja kif ukoll il-litteriżmu fost il-pubbliku. Permezz ta’ din l-inizjattiva, aħna se nkunu qed nippruvaw insaħħu kittieba, illustraturi, u pubblikaturi lokali b’riżorsi, taħriġ, u opportunitajiet ta’ finanzjament imtejba, biex b’hekk niżguraw li stejjer u ilħna Maltin jilħqu udjenzi usa’, kemm lokalment u internazzjonalment.”

Bħala parti mill-ftehim, il-KMA se jikkontribwixxi investiment totali annwali ta’ €22,000 biex isaħħaħ l-inizjattivi li ġejjin:

  • L-esebizzjoni ‘Mill-Illustrazzjoni għall-Ktieb’ fil-Festival tal-Ktieb ta’ Malta. Dan l-avveniment ewlieni jenfasizza l-proċess kreattiv involut fl-illustrazzjonijiet tal-kotba u jitfa’ dawl fuq ix-xogħol ta’ illustraturi lokali u internazzjonali;
  • Inizjattivi ta’ żvilupp edukazzjonali u professjonali ffukati fuq l-illustrazzjoni u d-disinn tal-kotba
  • Għotjiet ta’ mobbiltà internazzjonali li permezz tagħhom erba’ illustraturi u disinjaturi tal-grafika Maltin ikunu jistgħu jattendu l-London Book Fair annwalment
  • Il-Premju ta’ Rikonoxximent tal-Illustratur, konsistenti f’għotja ta’ €2,500 biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp professjonali bħala parti mill-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, enfasizza l-viżjoni fit-tul ta’ din il-kollaborazzjoni: Din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tagħna għas-settur tal-pubblikazzjoni, mhux biss permezz tal-kotba iżda wkoll permezz tan-narrattivi viżwali li jagħtuhom ħajja. Billi noħolqu pjattaformi għal illustraturi sabiex juru xogħolhom, sija lokalment u sija internazzjonalment, aħna għandna l-għan li nippożizzjonaw it-talent Malti fix-xena globali.”

Minbarra l-appoġġ finanzjarju u loġistiku, il-KMA u l-KNK se jorganizzaw b’mod konġunt avvenimenti ta’ netwerking, seminars, u sessjonijiet letterarji f’format ta’ speed-dating fil-Festival tal-Ktieb ta’ Malta, u b’hekk jinġiebu flimkien artisti, pubblikaturi, u professjonisti fl-industrija. Il-KNK se jipprovdi spazju għal esebizzjoni għal numru ta’ illustraturi, biex b’hekk jiżgura aktar involviment mill-pubbliku fix-xogħol tagħhom.

Il-ftehim jaċċenna l-importanza tat-trawwim ta’ kollaborazzjoni trans-settorjali sabiex jiġu ameljorati l-industriji kreattivi u tal-pubblikazzjoni ta’ Malta, filwaqt li tiġi kkultivata ekosistema promettenti fejn l-artisti, illustraturi, u pubblikaturi jkunu jistgħu jiksbu l-innovazzjoni, jikkollaboraw, u jikbru flimkien.

Skip to content