Revisiting Maleth

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 16 July 2025

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar il-Kunsill Malti għall-Arti nieda RETOLD—inizjattiva li permezz tagħha numru ta’ progetti minn artisti u kreattivi Maltin li għamlu suċċess barra minn xtutna fl-aħħar snin qed jintwerew hawn Malta biex jitgawdu mill-Maltin—illum tnieda l-proġett Revisiting Maleth, fil-Mużew tal-Istorja Naturali, l-Imdina.

Revisiting Maleth hi l-verżjoni mtennija tal-proġett li rrappreżenta lil Malta fl-2019 fit-58 edizzjoni tal-Biennale tal-Arti ġewwa Venezja.

Dan il-proġett jevoka l-oriġini primordjali tal-eżistenza tal-gżira, l-oriġini storiċi tagħha, u l-preżenza spazjali tagħha fir-realtà kontemporanja fil-Baħar Mediterran.

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, spjega kif il-viżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti hija waħda mibnija fuq diversi saffi. Il-bażi tibqa’ dejjem dik li niċċelebraw u nagħtu spinta lit-talent Malti f’kull forma u għamla. Dr Dalli qal li l-Kunsill għażel li l-arti tkun ta’ kulħadd u mhux tal-ftit li jistgħu jaffordjawha jew jaċċedu għaliha. RETOLD twieldet proprju għal-dan il-għan.

Dr Dalli qal li pilastru ewlieni fl-istrateġija li ser insegwu bħala kunsill hija li l-arti tkun aċċessibli għal kulħadd u fil-qalba tal-ibliet Maltin u Għawdxin.

Spjega kif għal dan il-għan, proġetti li dehru f’Venezja għall-Biennale tal-Arti, u f’Londra għall-Biennale tad-Disinn, issa qed jiġu lura Malta, fil-post fejn twieldu u fejn qed isibu d-dar naturali tagħhom.

Qal li eżempju ċar ta’ dan huwa l-proġett li qed jiġi inawgurat illum fejn proġett li ttella għall-Biennale ta’ Venezja fl-2019 qiegħed jerġa’ jittella’ proprju hawnhekk fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ġewwa l-Imdina.

Dr Dalli qal li l-arti kontemporanja tinteraġġixxi mal-udjenzi billi tinstiga kontemplazzjoni u ħsieb kritiku filwaqt li ġġiegħel lill-istess udjenzi sabiex isaqsu u jinvolvu ruħhom f’djalogu.

Annabelle Stivala, Kap tad-Direttorat tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet illi fl-aħħar 10 snin, il-Kunsill Malti għall-Arti poġġa l-qasam tal-arti minn afterthought għal prijorità nazzjonali. Spjegat kif illum wasalna fil-punt fejn l-arti u l-kultura qegħdin jagħtu kontribut qawwi lill-ekonomija ta’ pajjiżna—kemm b’mod dirett, allura fil-ħolqien ta’ impjieg f’dawn l-oqsma, iżda wkoll b’mod indirett, fis-servizzi anċillari li dawn l-oqsma jirrikjedu.

Stivala qalet illi x-xahar li għadda, Malta, permezz ta’ URNA, rebħet il-Biennale tad-Disinn ġewwa Londra u b’hekk Malta ħadet fama mill-aqwa fl-arti tad-disinn, u l-midja internazzjonali tatna prominenza.

Annabelle Stivala spjegat kif id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internalizazzjoni Kulturali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, se jkompli l-ħidma għal aktar investiment fl-artisti lokali, li aktar artisti lokali igawdu minn dan l-investiment, li aktar artisti u kreattivi Maltin jagħmlu mill-passjoni tagħhom is-sors tal-għajxien taghhom, li Malta tkompli tibbrilla fuq il-palk globali, u li nqarrbu dejjem aktar ix-xogħol tal-artist Malti lejn il-komunitajiet tagħna.

Il-proġetti li jagħmlu Retold huma:

Urban Fabric – jikkontestwalizza l-qalba tradizzjonali tar-raħal Malti billi jgħaqqad żewġ elementi—l-ippjanar tradizzjonali tal-belt u t-tradizzjoni Feniċja-Maltija tal-produzzjoni u ż-żebgħa tad-drapp. Dan il-proġett kien esebit fil-Biennale tad-Disinn ta’ Londra , u kien l-ewwel proġett li ttella’ minn Malta f’dan il-Biennale prestiġġjuż. Dati tal-esebizzjoni: 30 ta’ Ġunju sat-2 t’Awwissu. Sit: Foss tal-Imdina.

Revisiting Maleth – jevoka l-oriġini primordjali tal-eżistenza tal-gżira, l-oriġini storiċi tagħha, u l-preżenza spazjali tagħha fir-realtà kontemporanja fil-Baħar Mediterran. Dan il-proġett kien esebit fil-Biennale ta’ Venezja. Dati tal-esebizzjoni: 15 ta’ Lulju sal-31 t’Awwissu. Sit: Mużew tal-Istorja Naturali, L-Imdina.

URNA – il-proġett rebbieħ tal-Biennale tad-Disnn ta’ Londra tal-2025, proġett innovattiv li jesplora s-suggett affaxxinanti u distint tal-kremazzjoni. Dati tal-esebizzjoni: Settembru sa Novembru. Sit: Ħaġar Qim, Il-Qrendi.

The Ship (unseen) – jibni fuq u jimmaġina mill-ġdid il-kunċetti esplorati f’I WILL FOLLOW THE SHIP, esebit fil-Biennale ta’ Venezja. Dati tal-esebizzjoni: 4 t’Ottubru sa Novembru. Sit: Palazz tal-Inkwiżitur, Il-Birgu.

Homo Melitensis – din il-verżjoni ta’ Homo Melitensis fl-2025 tipprovdi investigazzjoni aktar kompatta iżda inċiżiva fil-proċess perenniment mhux komplut tal-kostruzzjoni tal-identità f’Malta. Proġett esebit fil-Biennale ta’ Venezja. Dati tal-esebizzjoni: 3 t’Ottubru sat-30 t’Ottubru. Sit: MUŻA, Il-Belt Valletta.

BURNING WATERS – Diplomazija Astuta – tpoġġi mill-ġdid it-temi immanenti ta’ Caravaggio fil-ħajja moderna, u tqanqal lit-telespettaturi biex jgħaddu minn spazju fejn it-traġedja u l-brutalità tal-eżekuzzjoni ta’ San Ġwann jiġu esperjenzati fil-preżent, l-inġustizzji tal-passat jiġu rikonċiljati, u l-prinċipji umanisti kondiviżi jistgħu jiġu rispettati fil-futur. Dati tal-esebizzjoni: 9 t’Ottubru sat-3 ta’ Jannar. Sit: Victor Pasmore Gallery, Il-Belt Valletta.

Ringrazzjamenti speċjali

RETOLD qed jiġi mmexxi mid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali (ICRD) fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, b’Annabelle Stivala bħala l-Kap Eżekuttiv u Dr Romina Delia bħala l-Kap tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Kulturali. Ringrazzjamenti speċjali jmorru għat-tim li jaħdem qatigħ li għamel RETOLD realtà: lit-tim tal-ICRD, lill-ġestituri tal-proġett, lill-koordinaturi, lill-uffiċjali tas-siti, lill-periti, lill-inġiniera, u lill-istudenti mill-MCAST u l-Università ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni fejn se jkunu esebiti dawn il-progetti, inħeġġuk tinkiteb għall-ittraħbar tagħna, issegwi s-siti soċjali, kif ukoll iżżur www.artscouncil.mt.

Skip to content