“Qalbna Magħkom” – Avveniment ta’ solidarjetà mal-Palestina wara r-rikonoxximent uffiċjali ta’ Malta tal-Istat Palestinjan

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 30 September 2025

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali flimkien mal-Arts Council Malta u Heritage Malta se jorganizzaw “Qalbna Magħkom”, avveniment ta’ solidarjetà u ta’ kuxjenza dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Palestina, wara r-rikonoxximent uffiċjali ta’ Malta tal-Istat Palestinjan.

Il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, qal, “Bħalissa, il-ġlieda għall-kuxjenza u għall-umanità ma tistax titħalla barra mill-ispazju kulturali. Meta ġejna bl-idea ‘Qalbna Magħkom’, ridna li l-arti tkun vuċi ta’ solidarjetà u riflessjoni. Hekk kif Malta rrikonoxxiet uffiċjalment l-Istat Palestinjan, dan l-avveniment jikkonferma l-impenn tagħna li nħarsu lejn il-paċi permezz ta’ djalogu. Barra minn hekk, il-Palazz tal-Gran Mastru se jkun miftuħ b’xejn għal dawk li jattendu.”

Il-Ministru Bonnici qal ukoll, “Avviċinajna gruppi li għandhom din il-kawża viċin ħafna ta’ qalbhom, fosthom Moviment Graffitti, Ġustizzja għall-Palestina, kif ukoll l-Ambaxxata tal-Palestina f’Malta, sabiex flimkien nagħtu spinta lil dan il-messaġġ ta’ solidarjetà u tama. Dan l-avveniment joffri spazju ta’ riflessjoni u solidarjetà permezz tal-arti.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal, “Inħass il-bżonn li għandna nagħtu l-appoġġ tagħna għal dan l-avveniment għax nemmnu bis-sħiħ li l-arti għandha l-qawwa li tqanqal kuxjenza u tgħaqqad lin-nies u li f’mumenti bħal dawn, il-kultura tista’ ssir pont bejn il-valuri ta’ pajjiżna u l-aspirazzjonijiet ta’ poplu li ilu jfittex l-għarfien u l-paċi.

“Mhux se naraw dan l-avveniment bħala serata ta’ spettaklu biss, imma bħala mument li fih l-arti ssir lingwa universali ta’ għaqda u tama. Narawh bħala mument ta’ responsabbiltà morali u soċjali. Mument fejn pajjiż żgħir bħal tagħna jista’ juri li l-qalb tiegħu hi kbira biżżejjed biex tkun mal-poplu Palestinjan,” temm jgħid Dr Luke Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li meta l-gwerra tkun xi ħaġa li għexuha biss l-antenati tiegħek, jew meta tisma’ biha biss fl-aħbarijiet dwar x’inhu jiġri f’pajjiżi oħra lil nies li mhumiex niesek, il-gwerra ma tistax tifhimha fil-kruha kollha tagħha. Hu għalhekk li permezz ta’ wħud mis-siti u l-mużewijiet taħt il-ħarsien tagħha, Heritage Malta tagħmel l-almu kollu tagħha biex tfakkar il-kruha tal-gwerer u l-ħtieġa li naħdmu għall-paċi. Is-sehem tal-aġenzija f’dan l-avveniment ikompli jixhed dan l-impenn tagħha biex il-bniedem jitgħallem mill-iżbalji tiegħu u jħalli l-gwerer itebbgħu l-paġni tal-istorja iżda mhux il-preżent u l-futur.

L-avveniment se jsir is-Sibt, 27 ta’ Settembru 2025, mis-6.30 p.m. ’il quddiem fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi u Yanis Azzopardi, il-programm jinkludi Akshara, wirja multidixxiplinarja ta’ Benji Cachia; performance ta’ Jolene Samhan flimkien mal-band tagħha; qari ta’ kitbiet minn awturi Palestinjani minn Inizjamed; esibizzjoni ta’ ritratti ta’ Rene Rossignaud dirett minn ġewwa Gaża; parteċipazzjoni tal-Palestinian Youth Group; u l-installazzjoni “Lest We Forget”, maħluqa mill-artist lokali Michell Borge.

Preżenti għal din l-ispjegazzjoni kien hemm id-direttur artistiku Daniel Cauchi u l-kantanta Jolene Samhan.

Skip to content