Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-riżultati tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iskrin li qiegħda tiġi amministrata – issa għall-ewwel darba – mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Din l-iskema rat l-investiment fi produzzjonijiet lokali jiżdied għal €1 miljun mifrux fuq għadd ta’ fergħat essenzjali. Qabel ma ġiet ippubblikata din l-iskema sar proċess intensiv ta’ riċerka u konsultazzjoni li identifika s-setturi ewlenin li jeħtieġu appoġġ immedjat.
L-iskema għandha l-għan li tiffaċilita l-ħolqien ta’ proġetti maħsuba biex jiġu murija jew ippreżentati f’teatri, festivals u xandir (inklużi pjattaformi VOD/SVOD). Il-proġetti jenħtieġ ikunu meqjusa bħala produzzjonijiet li jagħtu kontribut validu għall-espressjoni tal-kultura u tal-kreattività b’mod konformi mal-livelli internazzjonali. L-iskema tinkludi wkoll proġetti ta’ animazzjoni, dokumentarji u programmi kulturali.
Il-fergħat eliġibbli jinkludu l-kitba ta’ skripts, il-fażijiet tal-iżvilupp kif ukoll il-fażijiet tal-produzzjoni ta’ films qosra, films twal kif ukoll programmi kulturali. Il-Kunsill irreġistra 57 applikazzjoni eliġibbli minn fost entitajiet awdjoviżivi indipendenti. Minn dawn 23 proġett ser jingħataw il-fondi.
“Il-films indiġeni jirrappreżentaw parti importanti u intrinsika tas-setturi kreattivi u din l-iskema, kif ġiet irristrutturata taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti, tirrifletti din l-importanza partikulari. Dan il-Gvern sema’ x’għandu xi jgħid is-settur f’dan ir-rigward u bħala tali din l-iskema hi kkunsidrata bħala opportunità oħra biex insaħħu s-setturi kulturali u kreattivi”, insista Bonnici.
Kompla jgħid li bħalissa qegħdin jaħdmu id f’id mal-partijiet interessati ħalli jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi tal-iskema. Semma wkoll kif is-sena d-dieħla, bħalma ntqal fil-Baġit 2025, l-allokazzjoni finanzjarja għal din l-iskema ser tiżdied għal €2 miljun. “Ser inkomplu naħdmu biex dan is-settur ikompli jirċievi l-appoġġ meħtieġ biex niżguraw li din l-industrija tiffjurixxi”, kkonkluda Bonnici.
L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi enfasizzat l-importanza tal-pilastri ewlenin illi jiffurmaw parti mill-iskema. “Il-Kunsill dejjem enfasizza r-rwol tiegħu li jissalvagwardja l-iżvilupp dinamiku tal-karatteristiċi kulturali tagħna filwaqt li jiżgura wkoll li nibnu ekonomija kreattiva sostenibbli bl-aktar mod wiesa’ possibbli, dejjem f’konformità mal-Istrateġija tal-Kunsill. Dan jinkludi wkoll is-settur tal-films indiġeni li issa qed ikompli jissaħħaħ permezz ta’ din l-iskema. Qegħdin nintroduċu wkoll spazju għal applikanti ġodda fis-settur billi noffrulhom assistenza permezz ta’ mentoraġġ. Dan l-approċċ hu wkoll konformi mal-prinċipji tal-istrateġija nazzjonali tagħna.”
Biex tara r-riżultati agħfas hawnhekk.