F’konformità mal-pjan tal-Istrateġija 2025 tiegħu dwar l-involviment tal-partijiet interessati li jqiegħed il-governanza kulturali parteċipattiva fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Kunsill Malti għalll-Arti (KMA) talab espressjonijiet ta’ interess biex jifforma l-Grupp ta’ Ħidma Rappreżentattiv Settorjali (SRWG) il-ġdid.

Il-KMA stieden rappreżentanti tas-Setturi Kulturali u Kreattivi ta’ Malta biex isiru membri tal-grupp SRWG ħalli jkunu primarjament responsabbli mill-għoti ta’ pariri esperti dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-azzjonijiet strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti tul perjodu ta’ sentejn. Dan sar permezz ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess bejn Lulju u Awwissu 2024.

Il-parteċipanti tal-grupp huma membri ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur għas-Setturi Kulturali u Kreattivi ta’ Malta u individwi li l-esperjenza u l-kompetenzi tagħhom jitqiesu rappreżentattivi ta’ setturi speċifiċi fi ħdan is-Setturi Kulturali u Kreattivi ta’ Malta. Il-membri tal-grupp SRWG għandhom:

Ir-rwol tal-grupp SRWG jinvolvi l-ittrattar ta’ lakuni fl-għarfien tal-Kunsill Malti għall-Arti rigward setturi kulturali u kreattivi speċifiċi. Ir-responsabbiltajiet jinkludu t-twettiq ta’ riċerka, il-kollaborazzjoni fil-grupp SRWG u l-komunikazzjoni mat-tim tal-Finanzjament u l-Istrateġija tal-KMA. Il-membri jeħtieġu jattendu laqgħat regolari ħalli jagħtu rispons kritiku u jħejju rapporti fuq l-iżviluppi settorjali. Il-membri jridu joffru għarfien dwar il-finanzjament, il-politika u l-governanza u jidentifikaw ukoll xejriet illi kapaċi jtejbu l-istrateġija tal-KMA. Barra minn hekk, dan ir-rwol għandu jrawwem konnessjonijiet bejn il-KMA u l-partijiet interessati tal-komunità fi ħdan id-diversi setturi rrappreżentati mill-Grupp ta’ Ħidma.

Hawn taħt tista’ taqra dwar il-membri mhux governattivi tal-grupp u d-dettalji rigward l-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi. Issibu iżjed dettalji fil-minuti fl-aħħar ta’ din il-paġna.

Membri:

Alex Bezzina hu mużiċist, direttur mużikali u edukatur ta’ kwalità għolja. Kiseb Baċellerat fil-Mużika bl-unuri mil-London Centre of Contemporary Music u mbagħad Maġisteru fil-Mużika mill-Middlesex University. Matul il-karriera tiegħu kkollabora ma’ artisti u ensembles rinomati, fejn eċċella fil-prestazzjoni, fl-arranġamenti kif ukoll fid-direzzjoni mużikali fir-Renju Unit u f’Malta. Ex-Deputat Kap tal-Edukazzjoni fl-LCCM, Bezzina hu edukatur ddedikat. Filfatt bħalissa huwa lettur mistieden fl-Università ta’ Malta, fl-MCAST, fl-Iskola tal-Mużika ta’ Malta u fl-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva ta’ Malta. L-għarfien espert tiegħu jippermettilu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti fl-istrateġija kulturali tal-Kunsill Malti għall-Arti billi jaħdem favur l-iżvilupp sostenibbli tal-mużika, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni artistika.

Diane Portelli bdiet tiżfen fl-età ta’ tliet snin fit-Tanya Bayona Princess Poutiatine Academy of Ballet, fejn tgħallmet il-ballet klassiku, modern kontemporanju u l-flamenco. Irfinat il-ħiliet tagħha f’The Dance Workshop u aktar tard saret għalliema u koreografa fuq bażi part-time. Espandiet l-għarfien espert tagħha f’Pavia tul sena sħiħa u ħadet sehem ukoll f’workshops ma’ kumpaniji prestiġjużi. Wara li rebħet il-midalja tad-deheb fil-Kampjonati Dinjija tal-Arti tal-Ispettaklu, il-prestazzjonijiet tagħha daħlu wkoll f’festivals internazzjonali. Minbarra Baċċelarat fil-Kummerċ, għandha kwalifiki DDE fit-teatru modern. L-affiljazzjoni tagħha mal-Moveo Dance Company bdiet fl-2013, fejn rajniha f’diversi rwoli bħala żeffiena, koreografa u fl-2016 saħansitra direttriċi fejn żejnet diversi palkijiet f’Malta u lil hinn. Fl-2018 Portelli u Dorian Mallia rebħu l-unur ‘Artist of the Year’ fil-Premju għall-Arti ta’ Malta. Il-prestazzjoni tagħha ‘Diversely Typical’ rebħet il-premju ‘Best Steam Project’. Bħala direttriċi ta’ Moveo ma’ Mallia rebħet ukoll il-premju prestiġjuż ‘Best Creative Enterprise’.

Kristina Borg hi artista-riċerkatriċi viżiva u soċjalment impenjata freelance, spacemaker u edukatriċi/lettriċi tal-arti. Kisbet Baċellerat fl-Edukazzjoni tal-Arti (Malta, 2009) u Maġisteru fl-Arti Viżiva u l-Istudji Kuratorjali (Milan, 2015). Fil-prattika tar-riċerka transdixxiplinarja tagħha tqatta’ ħinha tintegra f’komunitajiet multispeċi speċifiċi u tiddedika l-attenzjoni tagħha għar-relazzjonijiet u għad-djalogu bejn dawn il-komunitajiet – umani u aktar minn umani – u l-post. Il-ħidma tagħha tiffoka fuq il-ħolqien konġunt ta’ proġetti speċifiċi għas-sitwazzjoni u għall-kuntest u tinvolvi proċessi alternattivi u esperjenzjali li jirrelataw ma’ kwistjonijiet soċjopolitiċi, ekonomiċi, femministi u ambjentali fi spazji urbani-kollettivi – spazji li jvarjaw mill-belt sas-supermarket, mill-mogħdijiet sal-baħar jew l-għalqa. Ix-xogħol tagħha ġie kkummissjonat u ppreżentat kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Irċeviet ukoll diversi premjijiet u nominazzjonijiet u dan l-aħħar ġiet magħżula wkoll bħala finalista għan-New European Bauhaus Prizes 2023 bil-proġett tagħha ‘You Are What You Buy – Reap what you sow’. Borg hi wkoll membru tas-Salzburg Global Forum for Cultural Innovators u membru tan-netwerk internazzjonali Community Economies Research Network.

Lisa Gwen Chetcuti hi kuratriċi tal-kliem u editriċi tal-ispazji. Ix-xogħol u l-proġetti tagħha huma l-eżiti ta’ dawn ir-rwoli spiss sovvrapposti u interkambjabbli li jittrattaw l-ispazju u d-distribuzzjoni tiegħu, b’mod partikulari bl-estetika u bid-disinn, bl-interpretazzjoni u bl-esperjenza. L-ewwel rwol jiffoka fuq il-kliem u t-ttajpjar, it-tieni fuq xogħlijiet artistiċi u installazzjonijiet. Dawn it-tnejn joħolqu immaġnijiet u elementi viżivi. Jittrattaw ukoll in-narrattivi. Minbarra passjoni intrinsika għall-oqsma kollha tal-arti viżiva, Gwen Chetcuti tinnamra mar-rwol ta’ turista lokali. Tesplora siti u spazji billi teżamina l-ambjent naturali u mibni kif ukoll “il-pajsaġġ l-ieħor” permezz ta’ lenti tal-kamera. Għandha sfond fl-Istorja tal-Arti u fil-Ġestjoni Kulturali. Taħdem ukoll bħala freelancer full-time billi tikkollabora u tikkonsulta ma’ diversi organizzazzjonijiet ibbażati f’Malta u ma’ oħrajn internazzjonali. Ilha kittieba u kuratriċi indipendenti tul dawn l-aħħar 18-il sena.

Il -Malta Producers Association (MPA) hi organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ illi tirrappreżenta produtturi tal-films u tat-televiżjoni mis-settur privat u ekwipaġġ ta’ produzzjoni b’esperjenza f’Malta. L-assoċjazzjoni twaqqfet biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp, il-promozzjoni u t-titjib tal-industrija awdjoviżiva u għar-riżorsi tagħha f’Malta. F’dan ir-rigward għandha l-għan li tissalvagwardja u tirrappreżenta l-interessi u d-drittijiet tal-produtturi u l-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi Maltin u li tiżgura li l-professjonisti fis-settur igawdu minn ambjent kompetittiv u vantaġġjuż. L-MPA hi mmexxija minn Kumitat Eżekuttiv ta’ 3 jew 5 persuni maħtura mill-membri tagħha waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM) tal-Assoċjazzjoni. Il-bord attwali jinkludi lil Charlie Cauchi (President), Rebecca Anastasi (Segretarja), Ryan Gatt (Teżorier), Rebecca Cremona (Membru Eżekuttiv) u Elaine Bonello (Membru Eżekuttiv).

Charlie Cauchi / Rebecca Anastasi

Malta Entertainment Industry u Arts Association (MEIA) Imwaqqfa fl-2020, il-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) hi organizzazzjoni prominenti mingħajr skop ta’ qligħ impenjata favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-industrija tad-divertiment u tal-arti ta’ Malta. Tirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ dixxiplini bi struttura ta’ Kumitat Eżekuttiv u 12-il Sottokumitat speċjalizzat illi jkopru l-Mużika, iż-Żfin, l-Arti Viżiva, it-Teatru, id-Disinn, il-Letteratura, l-Avvenimenti, il-Films u t-TV, il-Fornituri Tekniċi, il-Postijiet, l-Edukazzjoni fl-Arti u ż-Żgħażagħ. Dan il-qafas jiżgura li l-partijiet interessati kollha fl-industrija jkunu magħqudin taħt din il-missjoni waħdiena: it-trawwim tal-kollaborazzjoni, is-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi tal-industrija u l-promozzjoni tal-iżvilupp tas-settur permezz ta’ rappreżentanza, lobbying, konsultazzjoni u attivitajiet ta’ outreach robusti. L-impenn tal-MEIA lejn il-membri tagħha hu rifless fl-isforzi tagħha biex tipproteġi l-awtonomija u d-drittijiet tagħhom kif ukoll fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għat-tkabbir u għas-sostenibbiltà fl-industriji kreattivi lokali. Permezz ta’ sħubijiet strateġiċi u inizjattivi ta’ involviment pubbliku, l-assoċjazzjoni taħdem bla hedu biex tieħu ħsieb il-ħtiġijiet tas-settur, tikkultiva l-interess pubbliku fl-industriji kreattivi indiġeni u tappoġġa politiki li jsostnu l-progress tagħhom. Billi tippromwovi l-ekwità, il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni, l-MEIA qiegħda tkompli taqdi rwol vitali fit-tiswir ta’ ġejjieni sostenibbli għall-industriji tad-divertiment u tal-arti ta’ pajjiżna.

Maria Galea

Moira Scicluna Zahra hi illustratriċi Maltija rebbieħa ta’ diversi premji u awtriċi ta’ kotba għat-tfal. Tipikament ix-xogħol tagħha hu influwenzat min-nies, mill-inħawi ta’ madwarhom u mill-ħafna ħwejjeġ illi nsibu bejniethom. L-istil viżiv tagħha hu versatili, tant illi jvarja minn kompożizzjonijiet divertenti għal xogħlijiet artistiċi aktar espressivi b’elementi ta’ rakkontar viżiv. Zahra tokkupa l-kariga ta’ lettriċi u riċerkatriċi fl-istitut MCAST għall-Arti Kreattiva u hi wkoll il-fundatriċi tal-Malta Community of Illustrators – proġett illi jiddokumenta l-illustrazzjoni lokali, jippromwovi l-użu tal-illustrazzjoni bħala għodda ta’ komunikazzjoni effettiva u jipprovdi edukazzjoni dwar dan is-suġġett.

Moira Scicluna Zahra

L-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi (PCOs) huma parti mill-grupp SRWG biex jirrappreżentaw din il-kategorija. Kull semestru żewġ PCOs jiġi mistiedna jesprimu l-interess tagħhom fis-sħubija mal-grupp. Fl-ewwel semestru Spazju Kreattiv u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) kienu rrappreżentati. Fit-tieni semestru, Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ngħaqdu mal-grupp.

Rapporti:

Laqgħa, 1 ta’ Jannar 2025

Laqgħa, 2 ta’ Frar 2025

Laqgħa, 3 ta’ Marzu 2025

Laqgħa 4 ta’ April 2025

Laqgħa, 5 ta’ Mejju 2025

Laqgħa, 6 ta’ Ġunju 2025

Laqgħa tas-7 ta’ Lulju 2025

Laqgħa tat-8 ta’ Awwissu 2025

Skip to content