Malta rebħet il-midalja għall-aqwa Padiljun tal-London Design Biennale 2025 minn fost 50 esebitur minn madwar id-dinja, bl-installazzjoni URNA.
Din hija t-tieni darba li Malta qed tieħu sehem f’dan il-Biennale prestiġjuż.
URNA għandha tema u messaġġ kulturalment sinifikanti li jdur madwar il-kunċett tal-immaniġġjar tal-fdalijiet umani u tantiċipa, b’mod artistiku, l-adozzjoni tal-kremazzjoni fil-gżejjer Maltin. Din l-installazzjoni u l-messaġġ kulturali tagħha huma mmexxija mill-kuratur Andrew Borg Wirth, il-periti Anthony Bonnici u Thomas Mifsud minn Ebejer Bonnici, id-direttur artistiku Matthew Attard Navarro minn ANCC Studio, l-artista Maltija Stephanie Sant, il-fotografu Franċiża Anne Immelé u l-perit Ċiprijott Tanil Raif.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li Malta qed tinvesti ħafna fil-kultura u l-arti u dan għaliex fost il-Maltin u l-Għawdxin hemm talent mill-aqwa. “Kull meta l-Gvern jinvesti fl-artisti Maltin, dawn tal-aħħar dejjem jagħmlu lil Malta kburija,” qal Dr Bonnici.
Il-Ministru Bonnici ddeskriva URNA bħala proġett qalbieni u provokattiv u qal li dan jesprimi b’mod preċiż ir-rwol tal-arti: L-isfidar tal-istatus quo. Huwa rrefera għall-għaxar anniversarju tal-Kunsill Malti għall-Arti u qal li matul dawn l-għaxar snin il-Kunsill ħadem bi sħiħ favur is-settur tal-arti f’Malta biex illum Malta għandha artisti ta’ klassi dinjija, artisti li jonorow isem Malta madwar id-dinja.
Albert Marshall, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti qal li l-London Design Biennale hija wirja internazzjonali ta’ prestiġju kbir u ta’ valur straordinarju u li l-Kunsill huwa onorat li reġa’ ġie fdat biex jaġixxi bħala l-Kummissarju u l-Awtorità Kontraenti għall-parteċipazzjoni ta’ Malta. Huwa spjega li URNA għandha element Malti b’saħħtu għax tapplika elementi tal-pajsaġġ lokali u teknoloġiji innovattivi tal-materjal bħall-ġebla tal-franka rikostitwita, ir-riżorsa naturali unika ta’ Malta, u b’hekk URNA hija proġett ekoloġikament sostenibbli.
B’referenza għall-għaxar anniversarju tal-Kunsill Malti għall-Arti li qed jiġi ċċelebrat din is-sena, is-Sur Marshall qal li l-Kunsill investa aktar minn €28 miljun matul dawn l-aħħar għaxar snin, f’investimenti li saru b’mod strateġiku biex is-settur jikber u jiġi żviluppat f’industrija professjonali u ekonomikament vijabbli.
Il-Perit u l-komexxej tal-proġett Anthony Bonnici u l-Perit u l-kap tal-kostruzzjoni tal-proġett Thomas Mifsud spjegaw kif kull ċirku fl-isfera skulturali kbira jirrappreżenta ruħ waħda—riflessjoni tal-proċess sedimentarju tal-ġebla Maltija. Maħluqa permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Perit Tanil Raif, l-iskultura hija maħsuba biex toħloq pajsaġġ funerarju ġdid f’Malta. Bl-użu ta’ prodott ġdid innovattiv ta’ Halmann Vella msejjaħ Recobel, l-iskultura taqleb l-individwalità storika tal-urna ta’ taħt fuq sabiex toħloq oġġett komuni.
Il-padiljun jinkludi wkoll film minn Stephanie Sant, li taħdem kemm fil-ġbid tal-films kif ukoll fl-arti performattiva, u ktieb li jittratta r-riżultati kollha tal-proġetti, inkluż esej fotografiku mill-fotografu Anne Immelé. Ippreżentat mid-direttur artistiku Matthew Attard Navarro, il-ktieb jittratta l-legat tal-proġett u jinkludi l-proċess tad-disinn, il-proċess tar-riċerka, xi xogħol magħmul mill-istudenti tal-Università ta’ Malta u numru ta’ kitbiet mit-tim.
Il-kuratur ta’ URNA Andrew Borg Wirth qal li l-proġett jiġbor flimkien tim multinazzjonali li jittratta suġġett importanti. Id-disinn għandu ċ-ċans li jġib bidla fis-soċjetà, u hekk kif il-kremazzjoni ssir realtà f’Malta, URNA qed tistabbilixxi oġġett ġdid ta’ ritwal u disinn għall-kommemorazzjoni wara l-mewt.
URNA huwa kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Dan kien possibbli permezz tal-appoġġ ta’ Halmann Vella, Gasan Foundation, Heritage Malta, l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta, Malta Enterprise, Visit Malta, KM Malta Airlines u msieħba oħra.