It-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika għall-Istrateġija 2030

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 1 August 2025

Il-Kunsill Malti għall-Arti qed iniedi l-konsultazzjoni pubblika għall-iżvilupp taċ-ċiklu strateġiku li jmiss li se jwasslu sal-2030.

Strateġija 2030 qed tiġi mfassla fuq il-bażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa ta’ Strateġija 2025, li qed tiġi fi tmiemha, kif ukoll diskussjonijiet u analiżi fil-fond li qed jevalwaw il-kuntest attwali u jħarsu ’l quddiem biex jidentifikaw sfidi u opportunitajiet futuri għall-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi.

Kull min hu interessat fl-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi huwa mistieden jipparteċipa. L-ispazji huma limitati u għalhekk huwa rakkomandat li wieħed jesprimi l-interess tiegħu kmieni.

Is-sessjonijiet se jippermettu lill-parteċipanti jirriflettu fuq l-Istrateġija 2025 u l-kisbiet tagħha s’issa, bil-għan li nħarsu ’l quddiem lejn iċ-ċiklu li jmiss ta’ ħames snin. Kritika, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet se jiġu rreġistrati sabiex jgħinu fil-bini ta’ viżjoni u linji gwida li l-Kunsill Malti għall-Arti jista’ jsegwi.

Is-sessjonijiet se jsiru bl-Ingliż iżda l-kontribuzzjonijiet bil-Malti huma mħeġġa.

Is-sessjonijiet se jitmexxew mill-kumpanija ta’ konsulenza PKF, li ngħatat dan il-fażi ta’ riċerka wara sejħa għal kwotazzjonijiet, u se jkunu taħt is-superviżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-fażijiet ta’ riċerka u konsultazzjoni interna issa qed jiġu akkumpanjati mill-konsultazzjoni pubblika. Din hija magħmula minn żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonsisti f’serje ta’ 6 gruppi ta’ fokus tematiċi (ara hawn taħt). It-tieni fażi, li se titwettaq fil-ġimgħat li ġejjin, se titlob lill-partijiet interessati u s-sħab biex jirrevedu u jipprovdu rispons fuq abbozz ta’ dokument strateġiku.

Id-dati u t-temi li se jiġu indirizzati f’kull laqgħa huma kif ġej:

Grupp ta’ Fokus 1 – Il-Ħamis 21 ta’ Awwissu 1000 – 1300

Infrastruttura u faċilitajiet: bżonnijiet u xewqat

Dan il-grupp ta’ fokus se jinkoraġġixxi valutazzjoni tal-istrutturi disponibbli u eżistenti, inkluż l-infrastruttura, u jidentifika r-riżorsi meħtieġa, inkluż l-aċċess għalihom.

Grupp ta’ Fokus 2 – It-Tlieta 26 ta’ Awwissu 1000 – 1300

Industriji u Setturi: lil hinn mill-finanzjament pubbliku u s-settur privat

Dan il-grupp ta’ fokus se jiġbor għarfien dwar il-finanzjament pubbliku u privat u r-rwol dejjem jikber tan-negozji, SMEs, start-ups, investimenti u kollaborazzjoni bejn is-setturi.

Grupp ta’ Fokus 3 – Il-Ħamis 28 ta’ Awwissu 1600 – 1900

X’status għall-artist? Mogħdijiet sostenibbli

Dan il-grupp ta’ fokus se jħares lejn il-benesseri ekonomiku, personali u soċjali tal-artisti fir-rigward tal-Karta għall-Istatus tal-Artist, inkluż aspetti ta’ kreattività fis-suq, kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet lokali u internazzjonali għall-professjonalizzazzjoni.

Grupp ta’ Fokus 4 – It-Tnejn 1 ta’ Settembru 1000 – 1300

Issaħħu l-kreattività bħala settur ekonomiku

Dan il-grupp ta’ fokus se jikkunsidra l-iżvilupp tal-ħiliet, il-bini tal-kapaċità, l-integrazzjoni intelliġenti ta’ għodod tradizzjonali u diġitali, l-arti u l-AI, ir-riċerka u l-valutazzjoni.

Grupp ta’ Fokus 5 – It-Tlieta 2 ta’ Settembru 1000 – 1300

Appoġġ lill-komunitajiet kreattivi fid-dinamika soċjali

Dan il-grupp ta’ fokus se jindirizza x’hemm bżonn biex tiġi appoġġjata aktar is-sostenibbiltà tal-kollaborazzjoni bejn is-setturi, sħubijiet globali, djalogu interkulturali, libertà ta’ espressjoni u l-konnessjonijiet bejn il-kultura u l-aġendi soċjali.

Grupp ta’ Fokus 6 – L-Erbgħa 3 ta’ Settembru 1600 – 1900

It-tagħlim hu għal dejjem: żvilupp u innovazzjoni sostenibbli

Dan il-grupp ta’ fokus se jitlob lill-parteċipanti jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-proċessi ta’ edukazzjoni, it-trobbija tat-talenti, il-bini tal-kapaċità, ir-riżorsi disponibbli u dawk li hemm bżonn ninvestu fihom, ħiliet kritiċi, it-trobbija tal-udjenzi u aċċess ekwu għall-kultura u l-arti kif promoss mill-prinċipju tad-Dritt għall-Kultura adottat mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-gruppi ta’ fokus se jsiru fil-Brewhouse, Birkirkara, CBD 2010. Parteċipazzjoni onlajn hija disponibbli għal kull grupp ta’ fokus u se tkun possibbli permezz ta’ ċett idedikat. Il-kummenti se jinġabru waqt il-laqgħat u jintużaw kif meħtieġ.

Min jixtieq jirreġistra u jibbukkja post jista’ jagħmel dan hawn

Skip to content