Kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet tippromwovi karrieri emerġenti fis-settur tal-arti

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 17 February 2025

Sensiela ta’ inizjattivi edukattivi ser isiru flimkien ma’ attivitajiet oħra.

Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) bi pjaċir iħabbar kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet (NSC) bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-valur li tipprovdi l-arti għal opportunitajiet ta’ żvilupp tal-karriera f’diversi setturi.

Il-ftehim ikopri sentejn u huwa allinjat mal-objettivi tal-kampanja Artworks illi tnediet dan l-aħħar mill-KMA bil-ħsieb illi tippromwovi u tinvesti fl-arti bħala għodda dinamika ta’ tagħlim u perkors ta’ karriera ddiversifikat u tkompli timplimenta l-oqsma prijoritarji identifikati fl-Istrateġija 2025.

Il-kollaborazzjoni ser tiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ karrieri emerġenti fis-settur tal-arti fir-rigward ta’ perkorsi akkademiċi u vokazzjonali. Għal dan il-għan kemm il-KMA kif ukoll l-NSC ser jesploraw xejriet globali fil-oqsma tas-sistemi ta’ żvilupp tal-ħiliet, l-abbiltajiet futuri, il-ħiliet trasversali, ir-reżiljenza u l-adattabilità fis-setturi kulturali u kreattivi.

L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-Finanzjament u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi stqarret: “Nistennew bil-ħerqa li nippromwovu l-benefiċċji tal-integrazzjoni tal-arti fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp professjonali. Din il-kollaborazzjoni tenfasizza r-rwol tas-settur fil-provvista ta’ sett ta’ ħiliet fundamentali li jappoġġa firxa wiesgħa ta’ dixxiplini, dejjem f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Istrateġija 2025. Din l-inizjattiva ser tkun marbuta wkoll ma’ sħab fl-industrija u partijiet interessati biex tipprovdi għarfien prattiku, riżorsi u opportunitajiet ħalli b’hekk ittejjeb aktar ir-rilevanza u l-impatt tal-integrazzjoni tal-arti. Il-Kunsill jinsab impenjat li jkompli jiżviluppa kurrikuli u programmi ta’ kwalità għolja li jibbenefikaw mill-aħħar riċerka u mill-aħjar prattiki, kemm fl-edukazzjoni tal-arti kif ukoll fit-taħriġ fil-ħiliet.”

Permezz ta’ dan il-ftehim il-KMA u l-NSC ser jorganizzaw flimkien inizjattivi edukattivi biex jippromwovu għarfien dwar opportunitajiet ta’ karriera fis-settur tal-arti, fost oqsma oħra. Dan ser isir flimkien ma’ avvenimenti oħra li jesploraw u jippromwovu ħiliet futuri u trasversali kif ukoll karrieri emerġenti.

Dawn inkludew l-inizjattiva SkillScape Malta Business Brunch tal-NSC li ttellgħet fis-6 ta’ Settembru, b’attenzjoni speċjali fuq l-importanza tal-kreattività fil-post tax-xogħol. Fl-24 ta’ Ottubru ż-żewġ entitajiet ser jorganizzaw ukoll diskussjoni interattiva madwar mejda fis-Simpożju Nazzjonali dwar l-Istat tal-Arti biex jesploraw karrieri emerġenti u ġejjiena fis-Setturi Kulturali u Kreattivi.

Il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal: “Din is-sħubija tappoġġa l-iżvilupp ta’ ħiliet interdixxiplinari billi trawwem kollaborazzjoni akbar u tippermetti l-użu kondiviż tar-riżorsi, l-għarfien espert u n-netwerks. Tenfasizza wkoll l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet li jmexxi t-tranżizzjonijiet doppji tax-xejriet ekoloġiċi u diġitali, b’enfażi partikulari fuq il-kreattività bħala ħila trasversali ewlenija. Permezz ta’ din is-sinerġija qegħdin nimmiraw li ngħammru lill-forza tax-xogħol tagħna bil-kapaċità kreattiva biex tinnova u tirnexxi fis-setturi kollha f’dinja li qed tevolvi b’rata mgħaġġla.”

Din l-inizjattiva tinkludi kollaborazzjoni bejn il-kanali tal-midja soċjali biex turi kif il-kreattività tista’ tiġi applikata u trasposta fis-setturi artistiċi u mhux artistiċi. Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.artscouncil.mt

Skip to content