Total ta’ €1 miljun ġew distribwiti biex jiġu mgħejuna 77 proġett differenti magħmula minn organizzazzjonijiet attivi f’setturi relatati mal-festi Maltin, inkluża l-mużika strumentali li tindaqq fil-festi, kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza fil-kmamar tan-nar u l-armar artistiku fit-toroq ta’ Malta u Għawdex.
L-iskema Wirt Artistiku hija mmaniġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u għandha l-għan li tipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu matul is-sena kollha biex jippreparaw u jsaħħu attivitajiet marbuta mal-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-fondi mogħtija permezz ta’ din l-iskema jappoġġjaw proġetti f’oqsma li huma marbuta mill-qrib mal-ħajja kulturali tal-komunitajiet. Dawn jinkludu programmi ta’ tagħlim u taħriġ mużikali, restawr ta’ opri u arkivji, investiment f’teknoloġija u sistemi amministrattivi, titjib fl-ambjenti tat-tagħlim u l-eżekuzzjoni mużikali, investiment fis-saħħa u s-sikurezza fil-kmamar tan-nar, restawr tal-infrastruttura eżistenti, u disinn, manifattura, taħriġ, u restawr ta’ armar artistiku semipermanenti.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet, u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-festa Maltija hija parti importanti mill-identità kulturali tal-pajjiż, u li dan l-investiment jagħraf il-ħidma kontinwa tal-għaqdiet volontarji li jżommu dawn it-tradizzjonijiet ħajjin fil-komunitajiet. “L-Iskema għall-Wirt Artistiku turi kif il-politika kulturali tagħna qed tissarraf f’appoġġ konkret għall-komunitajiet. Il-festi Maltin jiġbru fihom arti, mużika, sengħa, volontarjat, u parteċipazzjoni, u għalhekk jagħmlu parti mill-impenn tagħna li nsaħħu l-wirt kulturali bħala element ħaj fil-komunitajiet, kif inhu rifless fil-Viżjoni Malta 2050. Permezz ta’ din l-iskema, qed inkomplu nwettqu dan l-impenn b’mod konkret billi noffru appoġġ lil proġetti li jsaħħu l-wirt, l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni kulturali f’kull lokalità. B’hekk ukoll inkomplu nsaħħu dak li jagħti l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna, u jżommhom magħqudin.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li l-festa Maltija hija waħda mill-aktar espressjonijiet ħajjin tal-kultura tagħna u li dan il-wirt jinżamm ħaj grazzi għall-impenn kontinwu tal-voluntiera u l-għaqdiet fil-komunitajiet tagħna. “Meta nitkellmu dwar il-wirt artistiku tal-festa Maltija mhux qed nitkellmu biss dwar tradizzjoni. Qed nitkellmu dwar komunitajiet u dwar nies li sena wara sena jagħtu l-ħin, l-enerġija, il-ħiliet u l-passjoni tagħhom biex iżommu ħaj dak li jagħmilna min aħna. Il-festa Maltija hija mibnija fuq il-volontarjat, imma titlob ukoll livell għoli ta’ ħila, dixxiplina u dedikazzjoni. Permezz ta’ din l-iskema, il-Kunsill Malti għall-Arti qed ikompli jkun spalla għall-għaqdiet u l-komunitajiet li jħarsu, jippreservaw u jkomplu jiżviluppaw dan il-wirt artistiku tant prezzjuż.”
Id-Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, qalet li l-iskema tagħraf ix-xogħol serju li jsir minn għaqdiet kulturali u soċjali matul is-sena kollha, ħafna drabi b’mod volontarju u b’impenn kbir lejn il-komunità. “Din l-iskema nħolqot sabiex tagħti lill-għaqdiet spazju u riżorsi biex jinvestu b’mod aktar sostenibbli fil-ħidma tagħhom. Il-festa ma sseħħx biss fil-ġranet li naraw fit-toroq, iżda tinbena matul is-sena permezz ta’ taħriġ, preparazzjoni, restawr, amministrazzjoni, u xogħol tekniku li ħafna drabi ma jidhirx. Permezz ta’ dan il-fond, il-Kunsill Malti għall-Arti qed jappoġġja proġetti li jsaħħu l-kapaċità tal-għaqdiet, filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-ħidma tagħhom u jħarsu prattiċi artistiċi u kulturali li joffru valur dirett lill-komunitajiet tagħna.”
Sejħa oħra ta’ din l-iskema se tkun qed toħroġ fit-tieni nofs ta’ din is-sena biex tagħti opportunità lil dawk l-għaqdiet volontarji li għal xi raġuni ma applikawx mal-ewwel sejħa, u jixtiequ japplikaw għat-tieni waħda. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati tal-Iskema għall-Wirt Artistiku tinsab hawn:https://artscouncilmalta.gov.mt/funding-and-grants/l-iskema-ghall-wirt-artistiku-2/.