Is-seba’ edizzjoni, li qed tittella’ fl-għaxar anniversarju tal-Kunsill Malti għall-Arti, laħqet rekord ta’ 600 nomina
Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, ħabbar ir-rebbieħa tal-Premju għall-Arti 2025.
L-edizzjoni ta’ dis-sena tirrappreżenta wkoll tragward importanti hekk kif laħqet rekord ta’ 600 nomina, l-akbar ammont minn meta twaqqaf dan il-Premju.
Ir-rebbieħa tħabbru minn 14-il kategorija kompetittiva, waqt li ngħataw seba’ titli lil individwi u organizzazzjonijiet li l-kontribut tagħhom tul iż-żmien sawwar ix-xena kulturali ta’ Malta. Intuża wkoll il-vot tal-pubbliku f’erba’ kategoriji, li ġibed lejh 2,100 vot, ammont li juri t-tkabbir fl-impenn tal-udjenzi lejn il-proċess ta’ dan il-Premju.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar id-diversità u l-volum tan-nominazzjonijiet, u rrimarka li l-edizzjoni ta’ dis-sena tirrappreżenta l-akbar edizzjoni tal-Premju għall-Arti sa issa. “Dan hu sinjal ċar ta’ eskosistema artistika li qed tikber u li qed issir dejjem aktar inklużiva b’mod li tkompli tiżviluppa talenti u ideat ġodda. Ir-rispons qawwi li rajna dis-sena juri kemm l-arti għandhom għeruq fondi fil-komunitajiet tagħna, u jirrifletti l-impenn tagħna fil-programm elettorali biex inwessgħu l-aċċess u noħolqu aktar opportunitajiet madwar il-pajjiż.”
“Xogħolna se jkompli jiġi ggwidat mill-għanijiet kulturali għat-tul ta’ żmien kif deskritt f’Viżjoni Malta 2050, u dan għandu jwassalna biex insaħħu l-istrutturi li jwieżnu lill-artisti, l-organizzazzjonijiet kulturali, u l-prattikanti kreattivi fuq kull livell,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Dr Luke Dalli, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-KMA, saħaq dwar l-irwol tal-Premju fit-tisħiħ tal-istandards professjonali fi ħdan is-settur. “Il-Premju għall-Arti jkompli jinkoraġġixxi lill-artisti u l-organizzazzjonijiet biex jistinkaw għall-eċċellenza. Ir-rispons qawwi ta’ dis-sena juri settur li qed jimmatura, jinvesti fis-sengħa tiegħu, u li jieħu approċċ aktar professjonali għall-ħolqien u l-kollaborazzjoni. Waqt li l-KMA qed jiċċelebra l-ewwel għaxar snin tiegħu, nibqgħu impenjati biex inwieżnu dal-momentum u niżguraw li l-kwalità tibqa’ r-riga tas-settur.”
Il-KMA jerġa’ jifraħ lin-nominati u r-rebbieħa kollha li taw sehemhom għal din l-edizzjoni bla preċedent. Il-lista sħiħa tar-rebbieħa tinsab hawn taħt.
L-aqwa xogħol għal tfal u żgħażagħ
Peppa Pig bil-Malti – Media Exclusive Limited
L-aqwa proġett fil-komunità
Cospicua Short Play Festival – Kunsill Lokali Bormla
L-aqwa programm jew staġun artistiku 2023/2024
ŻiguŻajg Arts Festival for Children and Young People 2023 – Fondazzjoni Kreattività
L-aqwa programm jew staġun artistiku 2024/2025
ŻiguŻajg Arts Festival for Children and Young People 2024 – Fondazzjoni Kreattività
L-aqwa produzzjoni: teatru
Il-Każin tal-Imqarbin – Saydon Studio
L-aqwa produzzjoni: żfin
Għajn Xtutna – Moveo Dance Company
L-aqwa produzzjoni: arti viżiva
Siġġu – Austin Camilleri
L-aqwa produzzjoni: multidixxiplinarja
Holdfast: Nations At War– Anvil Studios Ltd
L-aqwa produzzjoni: mużika
Il-Każin tal-Imqarbin – Saydon Studio
L-aqwa intrapriża kreattiva u innovattiva
Mid-Djarju ta’ Student fi Skola tal-Knisja– Jamie Cardona u Vikesh Godhwani
Il-prattikant kreattiv żagħżugħ/a
Jamie Cardona
Premju għall-prattikant kreattiv
Vikesh Godhwani Chatlani
L-aqwa kisbiet internazzjonali
I WILL FOLLOW THE SHIP – Matthew Attard and Elyse Tonna
Premju għat-tisħiħ artistiku nazzjonali
Mużika Mużika 2025 – Festivals Malta
Unur għall-Vjaġġ Artistiku
Narcy Calamatta
Unur għall-Kawża Soċjali
Blanket Ban – Davinia Hamilton and Marta Vella
Unur għall-Viżjoni Artistika
Phyllis Muscat
Unur għall-Ambaxxatur fl-Arti
Maria Galea
Unur għall-Promoturi Kultural
Rosetta Debattista
Unur għall-Wirt Artistiku
Pawlu Camilleri Cauchi
Unur għall-Karriera Artistika
Trevor Zahra