Il-parteċipazzjoni ta’ Malta tirrifletti l-iżvilupp tal-arti kontemporanja f’Malta, u tenfasizza l-kapacita’ tal-artisti sperimentali u multidixxiplinari tagħha fix-xena internazzjonali.
Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar il-ftuħ uffiċjali tal-Padiljun ta’ Malta bħala parti mill-wirja prestiġġjuża tal-arti La Biennale di Venezia, fejn Malta qed tippreżenta No Need to Sparkle: Experiments in Love and Revolution fl-Arsenale.
Ikkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-padiljun ilaqqa’ flimkien xogħolijiet mill-artisti Adrian MM Abela, Charlie Cauchi u Raphael Vella, taħt il-kurazzjoni ta’ Margerita Pulè u b’disinn arkitettoniku ta’ SON Architects.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’waħda mill-akbar pjattaformi tal-arti kontemporanja fid-dinja tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Kunsill Malti għall-Arti lejn l-appoġġ ta’ prattika artistika ambizzjuża u lejn it-tisħiħ tal-viżibbiltà internazzjonali għall-artisti Maltin.
Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti qal “Il-preżenza kontinwa ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja hija parti importanti mill-viżjoni fit-tul tal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex inkomplu nsaħħu l-internazzjonalizzazzjoni tal-prattika artistika Maltija. Permezz tal-Istrateġija 2030 tagħna, qed ninvestu f’ekoloġija kulturali li tagħti spazju lill-artisti, kuraturi u organizzazzjonijiet kulturali biex jipparteċipaw b’ambizzjoni u kunfidenza fid-djalogu kulturali internazzjonali. Il-Padiljun ta’ din is-sena jirrifletti mhux biss il-kwalità u l-maturità tal-arti kontemporanja Maltija, iżda wkoll il-valur tal-kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur kulturali indipendenti sabiex jinħolqu opportunitajiet sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. No Need to Sparkle: Experiments in Love and Revolution juri kif artisti Maltin qed jindirizzaw temi universali bħall-identità, il-memorja, il-poter u r-reżistenza permezz ta’ prattiki multidixxiplinari u sperimentali li jitkellmu ma’ udjenzi internazzjonali. Il-fatt li dan il-padiljun jgħaqqad flimkien artisti, kurazzjoni, arkitettura u organizzazzjonijiet indipendenti f’viżjoni waħda koerenti huwa xhieda tal-iżvilupp u l-kunfidenza dejjem tikber tas-settur kulturali Malti.”
Anabelle Stivala, Direttur tal-Internazzjonalizzazzjoni fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet: “Dan il-padiljun huwa xhieda tal-impenn kontinwu tal-Kunsill Malti għall-Arti biex joħloq opportunitajiet internazzjonali għall-artisti Maltin. Proġetti bħal dan mhux biss joffrru viżibilita’ lill-artisti Maltin iżda jiffaċilitaw id-djalogu u l-iskambju. Jagħtu bidu għal relazzjonijiet ġodda ma’ stakeholders fl-industrija mid-dinja kollha u jgħinuna nsaħħu dawk eżistenti. Il-preżenza tagħna f’netwerks internazzjonali bħal dawn hija essenzjali għall-iżvilupp tal-ekoloġija kulturali ta’ pajjiżna.”

Il-Padiljun Malti jidħol fi djalogu mat-tema kuratorjali tal-Biennale tal-2026, In Minor Keys, billi jinvolvi ruħu ma’ mistoqsijiet dwar il-katarsi, l-awtentiċità u n-nazzjon, filwaqt li jirreżisti ideat fissi jew trijonfalisti tal-poter. Minflok, il-padiljun jiftaħ spazju għar-riflessjoni, l-empatija u l-umoriżmu bħala parti minn esperjenza umana. Dan iseħħ permezz ta’ tlett xogħlijiet distinti. Declaration of Dependence (A Game of Surrender) ta’ Adrian MM Abela, li huwa strutturat bħala palk maqsum fi tliet żoni temporali. Dolce ta’ Charlie Cauchi, li jieħu l-format ta’ vidjow 4K akkumpanjat minn elementi skulturali maħduma biċ-ċikkulata u materjali mħallta. U Praying for a Revolution That Will Never Come ta’ Raphael Vella, li jgħaqqad stop-motion animation, ħoss, u posters u banners ta’ protesta kkompressati b’mod industrijali.
Margerita Pulè, kuratur tal-Padiljun Malti, qalet: “Il-kunċett tal-padiljun huwa ta’ spazju li jistedinna nikkunsidraw l-inċertezzi tagħna stess, u li jintroduċi d-dubju, l-illużjoni u l-mît mhux bħala paraliżi iżda bħala l-punti tat-tluq lejn l-empatija u lejn fehim aħjar tad-dinja. Ix-xogħlijiet t’arti fil-padiljun jikkombinaw il-mîti, il-fizzjoni, l-istorja u l-midja kontemporanja, u jibbażaw fuq firxa wiesgħa ta’ sorsi storiċi u kunċettwali filwaqt li jiffurmaw tliet installazzjonijiet separati iżda li jaħdmu fil-qrib ma’ xulxin. Għalhekk, No Need to Sparkle jistedinna nerġgħu nqisu kif nifhmu d-dinja ta’ madwarna u kif inqisu t-twemmin fiss u l-konvinzjonijiet tagħna.”
Il-Padiljun ta’ Malta fil-61 Wirja Internazzjonali tal-Arti – La Biennale di Venezia huwa miftuħ għall-pubbliku bejn id-9 ta’ Mejju u t-22 ta’ Novembru 2026.
Il-Padiljun ta’ Malta fil-61 Wirja Internazzjonali tal-Arti – La Biennale di Venezia huwa kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Adrian MM Abela, Charlie Cauchi u Raphael Vella qed jirrappreżentaw lil Malta fil-61 Wirja Internazzjonali tal-Arti f’La Biennale di Venezia 2026 li se ssir bejn id-9 ta’ Mejju sat-22 ta’ Novembru 2026. Il-Paviljun Malti bl-isem No Need To Sparkle sar taħt il-kurazzjoni ta’ Margerita Pulè u b’disinn arkitettoniku ta’ SON Architects. Il-proġett ġie mmaniġġjat minn Tamara Burr, outreach sar minn Kathrine Maj, u l-identità viżwali saret minn Alexandra Pace. Il-proġett ġie prodott minn Unfinished Art Space ma’ R Gallery.
Grazzi lil Alpha Rental Ltd, Attard Holdings, Bank of Valletta, Frendo Advisory, Grands Suites, Malta Enterprise, People and Skin, Visit Malta, Zampa Partners, Form, MIB Insurance Brokers, MySchool, Stilla, Strawberry Fields, l-Uffiċċju td-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta, Francis Sultana, u l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.