L-artist Ingliż mexxa taħdita pubblika u masterclasses intensivi dwar ir-realtajiet marbuta ma’ karriera artistika professjonali.
Il-Kunsill Malti għall-Arti offra lill-artisti opportunità ta’ żvilupp professjonali permezz ta’ taħdita u sensiela ta’ masterclasses immexxija mill-pittur Ingliż rinomat James Gillick.
L-inizjattiva The Artist’s Journey: What it Really Takes to Become a Professional Artist, seħħet fuq tlett ijiem fil-Belt Valletta, u offriet lill-artisti u lill-professjonisti fil-qasam kulturali l-opportunità li jiddiskutu aspett tax-xogħol artistiku li mhux dejjem jingħata l-istess attenzjoni: x’jeħtieġ biex, lil hinn mix-xogħol artistiku innifsu, tinbena karriera sostenibbli u professjonali.
Il-programm beda b’taħdita pubblika fil-Malta Society of Arts, fejn Gillick qasam l-esperjenza tiegħu ta’ kważi tliet deċennji bħala artist professjonali, hekk kif tħaddet dwar ir-realtajiet, ir-responsabbiltajiet u s-sodisfazzjon li jiġu ma’ karriera fl-arti. Wara din it-taħdita seħħew masterclasses intensivi fil-Valletta Design Cluster, li tulhom il-parteċipanti ddiskutew temi marbuta mal-prattika artistika, il-perseveranza u l-iżvilupp professjonali.
Matul is-sessjonijiet ġie diskuss xi jfisser li wieħed jaħdem b’mod professjonali fil-qasam kreattiv, kif karriera tista’ tiżviluppa lil hinn mill-istudjo, u kif l-artisti jistgħu jadattaw għal settur li qed jinbidel kontinwament minħabba żviluppi fil-galleriji, fis-swieq u fit-teknoloġija. Filwaqt li rrifera għall-esperjenza tiegħu stess, Gillick qasam ukoll tagħlim prattiku dwar id-diffikultajiet, id-deċiżjonijiet u l-mumenti ta’ bidla li jagħmlu parti mill-bini ta’ prattika artistika li tkun tista’ tibqa’ sostenibbli fit-tul.

Dr Luke Dalli, Chair Eżekuttiv fil-Kunsill Malti għall-Arti qal “L-iżvilupp professjonali huwa parti essenzjali mit-tisħiħ tal-ekosistema kreattiva tagħna. Biex l-artisti jkunu jistgħu jibnu karrieri sinifikanti u sostenibbli, it-talent u l-prattika artistika jeħtieġ li jkunu sostnuti wkoll mill-għarfien, il-ħiliet u l-fehim professjonali meħtieġa biex wieħed jinnaviga f’settur li qed jevolvi kontinwament.
“Il-preżenza f’Malta ta’ artist b’esperjenza internazzjonali bħal James Gillick toffri lill-komunità artistika tagħna opportunità importanti biex tesplora perspettivi, esperjenzi u approċċi differenti għall-prattika professjonali. Inizjattivi bħal The Artist’s Journey jinkoraġġixxu lill-artisti jirriflettu mhux biss fuq ix-xogħol kreattiv tagħhom, iżda wkoll fuq id-deċiżjonijiet, l-isfidi u l-opportunitajiet li jsawru karriera artistika tul iż-żmien.
“Fil-Kunsill Malti għall-Arti nibqgħu impenjati li noħolqu opportunitajiet li jappoġġjaw lill-artisti fi stadji differenti tal-vjaġġ professjonali tagħhom u li jikkontribwixxu għal settur kulturali aktar b’saħħtu, reżiljenti u sostenibbli. Dan il-programm huwa pass ieħor biex niżguraw li l-iżvilupp professjonali jibqa’ parti integrali mill-investiment tagħna fil-komunità artistika ta’ Malta.”
Nikki Petroni, Kap tal-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet li l-inizjattiva tirrifletti wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill: li l-iżvilupp artistiku u dak professjonali għandhom jimxu id f’id.

“L-artisti għandhom bżonn spazju fejn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-prattika tagħhom, iżda għandhom bżonn ukoll l-għarfien, il-ħiliet u l-kunfidenza professjonali biex ikunu jistgħu jibnu karriera sostenibbli madwarha. L-Istrateġija 2030 tagħraf li dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin ħafna ma’ xulxin. Għalhekk, li nappoġġjaw l-eċċellenza artistika jfisser ukoll li noħolqu opportunitajiet biex il-prattikanti jifhmu aħjar ir-realtajiet tax-xogħol professjonali, isaħħu l-ħiliet tagħhom u jkunu f’pożizzjoni aħjar li jieħdu deċiżjonijiet dwar id-direzzjoni tal-karriera tagħhom.
“Il-programm ma’ James Gillick jagħti forma konkreta lil dawn il-prinċipji. Joħloq spazju fejn l-artisti jistgħu jiddiskutu mistoqsijiet li jmorru lil hinn mill-ħolqien tax-xogħol artistiku nnifsu: kif tinbena karriera, kif jiġu indirizzati l-isfidi professjonali u xi jfisser li wieħed jibqa’ jsostni l-prattika tiegħu matul iż-żmien. Dan huwa parti importanti mill-impenn usa’ tagħna favur l-iżvilupp professjonali u favur it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet li jippermettu lill-artisti jikbru, jaħdmu u jkomplu jiżviluppaw il-prattika tagħhom.”

L-iżvilupp professjonali huwa wieħed mit-tliet pilastri tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mad-drittijiet kulturali u l-internazzjonalizzazzjoni. L-istrateġija tagħti importanza partikolari lill-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet, karrieri aktar ekwi u sostenibbli, u lil strutturi t’appoġġ aktar b’saħħithom għall-prattikanti f’fażijiet differenti tal-karriera tagħhom.
Permezz ta’ din u ta’ inizjattivi oħra, il-Kunsill Malti għall-Arti qed ikompli jsaħħaħ l-investiment pubbliku fl-arti billi joħloq ukoll opportunitajiet sabiex igħin lil dawki li jaħdmu f’dan is-settur jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċità professjonali tagħhom.
Gillick huwa pittur figurattiv ta’ nazzjonalità Ingliża li jispeċjalizza fin-natura mejta, fil-fotografija, pittura ekwestri u fir-restawr storiku. Huwa jaħdem mill-istudjo tiegħu f’Lincolnshire u jipproduċi l-materjali tiegħu stess għall-pittura bl-użu ta’ tekniki tradizzjonali. Joffri ukoll servizzi ta’ mentoraġġ lil diversi artisti mir-Renju Unit, l-Ewropa u ll-Istati Uniti, kemm fuq il-prattika artistika tagħhom kif ukoll fuq l-aspetti professjonali marbuta mal-iżvilupp tal-karriera.