It-tielet edizzjoni tas-Simpożju dwar l-Istat tal-Arti saret fil-Kampus tal-Belt Valletta. Bosta artisti u prattikanti kreattivi kienu ħerqana biex ikunu parti mill-isforzi kollettivi tal-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) biex ikompli jsawwar is-setturi artistiċi u kreattivi ta’ Malta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena intitolata Inġeddu Passaġġi Komuni ttrattat il-prattika tal-komunjoni permezz tal-arti u l-kultura. Il-kontenut tematiku tas-simpożju ġie ffinalizzat wara li l-KMA ħareġ sejħa pubblika għal dawk interessati biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar liem suġġetti kruċjali relatati mal-dwar l-Istat tal-Arti jħossu li jenħtieġ jiġu diskussi. Ir-rispons informa u ispira l-programm tas-simpożju. Is-simpożju inkluda wkoll it-tnedija tal-Karta Nazzjonali għall-Istatus tal-Artisti li ġiet iffirmata mill-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u mill-Kunsill.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal: “Inħossni kburi li qed nassisti għat-tielet edizzjoni ta’ dan is-simpożju kulturali importanti li tassew sar pedament fit-tiswir tas-setturi kreattivi tagħna. Dan l-avveniment nazzjonali qed ikollu rwol kruċjali biex jitqgħedu s-sisien għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena ta’ artisti u kreattivi u b’hekk ser iħalli legat dejjiemi lill-pajsaġġ kulturali tagħna.
“Is-Simpożju dwar l-Istat tal-Arti huwa pass ieħor tanġibbli fl-impenn kontinwu ta’ dan il-Gvern favur it-tkabbir kulturali. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed inkomplu nwettqu l-wegħda elettorali tagħna li nrawmu t-tkabbir u l-inklużività f’dan is-settur kif ukoll djalogu sinifikanti li jgħinna nfasslu d-direzzjoni tas-settur kulturali ta’ Malta filwaqt illi nibqgħu nsaħħu l-patrimonju tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malri għall-Arti Albert Marshall irrefera għall-fatt li ““dan is-simpożju għandu rwol kruċjali biex jiffaċilita dawn il-konverżazzjonijiet billi jipprovdi pjattaforma fejn dawn l-elementi ewlenin tal-istrateġija nazzjonali tagħna jieħdu l-ħajja f’involviment dirett mal-partijiet interessati. L-attenzjoni tagħna tibqa’ mixħuta fuq l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet, it-titjib tal-edukazzjoni u l-iżgurar tal-aċċessibbiltà għall-arti għal kulħadd. It-tnedija tal-Karta għall-Istatus tal-Artisti bla dubju ser isservina ta’ pedament eċċellenti biex inkomplu mmexxu dawn l-objettivi ’l quddiem. Permezz tal-kollaborazzjoni u tad-djalogu qed immexxu l-arti lejn direzzjoni li mhux biss tinkludi ’l kulħadd iżda wkoll tirrifletti l-ħtiġijiet diversi tal-pajsaġġ kulturali tagħna. Huwa proprju dan l-impenn kontinwu li jippermettilna nibnu ġejjieni aktar reżiljenti għas-setturi kreattivi ta’ Malta.”
L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Finanzjament u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi stqarret: “Aħna u nkomplu l-vjaġġ tagħna lejn l-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2025, dan is-simpożju ser iservina ta’ spazju vitali biex inrawmu s-sinerġija intersettorjali u biex niżguraw illi l-politiki tagħna jiġu ffurmati b’konsultazzjoni sinifikanti mal-artisti u mal-prattikanti kreattivi.”
It-tnedija tal-Karta għall-Istatus tal-Artisti hi waħda mill-prijoritajiet enfasizzati fl-Istrateġija 2025. Din ġiet ispirata mir-Rakkomandazzjonijiet tal-UNESCO tal-1980 dwar l-Istatus tal-Artisti u l-iżviluppi ulterjuri tagħha u tappoġġa u taħdem favur il-kundizzjonijiet tax-xogħol illi fihom l-artisti u l-prattikanti kulturali u kreattivi jistgħu joħolqu u jiffjorixxu fit-twettiq tal-ideat u tal-aspirazzjonijiet tagħhom. Ippreċeduta minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sħiħa, din tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi. Tiżgura wkoll li kull azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni fit-tul finali tagħna li nelevaw l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.
L-ewwel jum inkluda wkoll interventi mid-direttriċi u produttriċi ta’ Take Two Abigail Mallia, Bianca Elzenbaumer, (Direttur, Brave New Alps) u mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Il-jum kompla b’sensiela ta’ Konverżazzjoni fi Ċrieki Konċentri fejn l-artisti Lenn Cox, Floréal Comte, Alisha Doody u Erica Muscat u l-ħaddiema fis-settur tal-arti Katrien Reist-van Gelder iffukaw fuq l-istatus soċjoekonomiku tal-artisti. Wara nofsinhar saru Sessjonijiet ta’ Panels immexxija minn artisti magħżula wara sejħa pubblika.
It-tieni jum tas-simpożju fetaħ b’interventi minn John Mallia (Direttur, Mediacoop) u b’diskussjoni dwar l-Istħarriġ dwar il-Prattika Kulturali u Kreattiva (CCPS) tal-KMA – dokument ippubblikat b’mod konġunt mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jipprovdi analiżi dettaljata tad-demografija u tal-kundizzjonijiet relatati mal-prattika kulturali u kreattiva.
Dan kien segwit minn Panel ta’ Konverżazzjoni dwar l-Aċċess u l-Aċċessibbiltà fid-Dinja tal-Arti b’kontributi minn Deborah Falzon (Kofundatriċi, Dance Beyond Borders), Alexander Farrugia (Direttur, Direttorat tal-Kultura), Allison Zammit (Maniġer tar-Riċerka u l-Politika, Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà), Britt Jurgensen (Kofundatriċi u Direttriċi, Homebaked CLT) u Greta Pace Buch (Faċilitatriċi, Kowċ tal-Kreattività u Mentor tal-Komunikazzjoni).
Sessjonijiet ta’ panels ta’ diskussjoni oħra komplew wara nofsinhar kollu, segwiti minn sejħa għal azzjoni minn Joe Gatt (Koeditur, Aphroconfuso). Is-simpożju ntemm b’diskors tal-għeluq mill-Uffiċjal Kap Operattiv (Finanzjament u Strateġija) Mary Ann Cauchi li rreferiet għall-iffirmar tal-Karta kif ukoll għad-diversi punti ta’ azzjoni li ħarġu tul dawk il-jumejn diskussjonijiet, b’mod speċjali l-att vitali tal-commoning u t-trawwim ta’ diskussjonijiet b’għeruq f’realtajiet kondiviżi u f’esperjenzi mgħejuxa. Il-parteċipanti rriflettew u ħaddnu l-ġlidiet kollettivi tagħhom filwaqt illi ċċelebraw is-suċċessi miksuba fl-isfondi differenti tagħhom. Il-KMA tenna l-impenn tiegħu li jippromwovi l-commons fi ħdan l-Setturi Kulturali u Kreattivi filwaqt illi esprima ħajr lill-parteċipanti kollha kif ukoll ħerqa biex jissokta b’dawn il-konverżazzjonijiet importanti.
Biex tara l-Karta, is-CCPS u aktar informazzjoni żur is-sit www.artscouncilmalta.mt.