Imniedija l-Culture Pass 2024

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 17 February 2025

Skema mfassla biex tipprovdi esperjenzi kulturali u artistiċi professjonali ta’ kwalità għolja lill-istudenti, mill-kindergarten sal-iskejjel post-sekondarji

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima nedew il-Culture Pass 2024 flimkien mad-Direttorat għall-Kultura, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Culture Pass hi skema mfassla biex tipprovdi esperjenzi kulturali u artistiċi professjonali ta’ kwalità għolja lill-istudenti, mill-kindergarten sal-iskejjel post-sekondarji kif ukoll lil istituzzjonijiet edukattivi li jipprovdu edukazzjoni sal-livell MQF 4. B’dan il-mod il-valur tal-edukazzjoni kulturali bħala suġġett kurrikulari ser jiżdied filwaqt illi ser jiġu ttrattati wkoll temi transkurrikulari. L-iskema tgħin ukoll lill-prattikanti kreattivi biex joħolqu u jiżviluppaw xogħol ġdid għal udjenzi żgħaħagħ filwaqt illi żżid ukoll il-kapaċità tal-ipprogrammar għal perjodi itwal ħalli jiżdiedu kemm dixxiplini artistiċi kif ukoll mhux artistiċi mal-kurrikulu tal-istudenti.

Il-Ministru Owen Bonnici nnota li l-Culture Pass hi eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qiegħed jinvesti bis-sod fis-setturi artistiċi u kulturali ta’ pajjiżna. “Qed nerġgħu nniedu l-Culture Pass għas-sena skolastika li għadha kemm bdiet biex ninkuraġġixxu lill-istudenti jipparteċipaw fl-arti u fil-kreattività. Għal din is-sena skolastika hemm irrakkomandati 47 proġett. Dan il-Gvern dejjem insista fuq l-importanza li jiġu inklużi proġetti u attivitajiet kulturali u kreattivi bħala parti mill-proċessi edukattivi tagħna. Billi ninvestu f’esperjenzi bħal dawk ipprovduti mill-Culture Pass qed nippromwovu l-potenzjal sħiħ tad-dixxiplini artistiċi meta dawn jitħalltu b’mod kreattiv mal-edukazzjoni”, qal Bonnici.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima insista li tul is-snin din l-inizjattiva tat u għadha tkompli tagħti aċċess għall-kultura Maltija b’mod artistiku li jwassal għal tagħlim informali fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna. “Irridu nrabbu liż-żgħażagħ tagħna mhux biss biex japprezzaw il-kultura iżda wkoll biex inħeġġuhom irawmu fihom infushom apprezzament għall-espressjoni artistika, B’hekk inżidu l-potenzjal kreattiv tal-istudenti. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet kulturali qed ngħinu lil uliedna jagħrfu li l-edukazzjoni mhix biss dik li tingħata fil-klassijiet,iżda wkoll xi ħaġa li tmur lil hinn mill-kurrikulu – mezz li permezz tiegħu l-istudenti jistgħu jesploraw l-abbiltajiet tagħhom. Din hi l-edukazzjoni olistika li rridu nkomplu nagħtu lill-istudenti tagħna matul vjaġġ edukattiv illi mbagħad jgħinhom fil-vjaġġ professjonali tagħhom”, qal Grima.

L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Finanzjament u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti qalet li l-Kunsill qiegħed ikompli jagħti prijorità lill-edukazzjoni fl-arti u li permezz ta’ kollaborazzjonijiet mal-artisti l-esponiment taż-żgħażagħ għall-arti qiegħed ikompli jiżdied. Kompliet tgħid li l-Culture Pass qiegħda terġa’ tkompli tirrikonoxxi l-edukazzjoni kulturali u artistika fil-livelli kollha filwaqt illi tkompli jiżgura l-aċċessibbiltà artistika.

Id-Direttur tal-Kultura Alex Farrugia tkellem dwar kif is-suċċess tal-Culture Pass hu evidenti mill-fatt li kull sena tiġi rreġistrata żieda fl-għadd ta’ produtturi u ta’ produzzjonijiet kif ukoll fl-interess li dan il-programm qiegħed jiġġenera, tant li kull sena qiegħed jilħaq numru dejjem jikber ta’ tfal u żgħażagħ.

Il-Culture Pass 2024 tikkumplimenta l-Qafas Nazzjonali tal-Kurrikulu filwaqt li żżid ukoll il-valur tal-edukazzjoni artistika u suġġetti kurrikulari oħra. Mit-tnedija tagħha ġie stmat li għexieren ta’ eluf ta’ studenti bbenefikaw minn dan il-programm.

Skip to content