Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Premju għall-Arti 2025 waqt avveniment illi fost mistednin oħra ra l-parteċipazzjoni tar-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni.
Il-Premju għall-Arti għandu l-għan li jirrikonoxxi u jonora l-eċċellenza fis-settur kulturali u artistiku filwaqt li jħeġġu aktar professjonaliżmu u diversità fis-settur. L-istruttura tal-premji – li issa hi waħda biennali – fl-aħħar edizzjoni sarulha aġġornamenti sinifikanti.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Il-Premju għall-Arti huwa ċelebrazzjoni prestiġjuża tal-industriji kulturali u kreattivi ta’ Malta li joffri pjattaforma b’saħħitha li tirrikonoxxi l-espressjoni artistika bħala valur essenzjali għall-ħajja kulturali kontemporanja. L-istruttura l-ġdida tal-premji kienet mument trasformattiv illi bena fuq dak li diġà ksibna u jirrappreżenta allinjament qawwi mal-prinċipji tad-drittijiet kulturali. Għal darb’oħra qegħdin nimplimentaw il-wegħda elettorali tagħna li nkomplu niżviluppaw opportunitajiet li jirrikonoxxu u jiċċelebraw assi kulturali u għadd divers ta’ identitajiet f’Malta li jimplimentaw azzjonijiet konkreti li jkomplu jsaħħu l-pedamenti tas-settur.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall ikkummenta: “Il-Premju għall-Arti jirrappreżenta opportunità unika għall-prattikanti kulturali, l-organizzazzjonijiet u l-artisti biex jirċievu rikonoxximent nazzjonali għall-kontribut tagħhom fis-settur kreattiv. Dan jirrifletti l-ewwel prinċipju gwida mnaqqax fl-Istrateġija tal-2025, jiġifieri dak li naħdmu lejn l-avvanz tal-artisti u l-prattikanti kulturali. Il-Kunsill ser jagħmel ħiltu kollha biex ikompli jispira perspettivi u ideat ġodda fix-xenarju kulturali li għadu qiegħed jevolvi b’mod kontinwu.”
Għal darb’oħra din is-sena hemm 14-il kategorija kompetittiva li jiċċelebraw kisbiet f’bosta setturi, fosthom l-aqwa programmi artistiċi, teatru, żfin, arti viżiva u proġetti multidixxiplinari. Minn kull kategorija ser jintgħażlu ħames proġetti bħala finalisti.
In-nominazzjonijiet għall-Aqwa Xogħol għal Udjenzi Żgħażagħ, l-Aqwa Proġett fil-Komunità, l-Aqwa Kisbiet Internazzjonali u l-Aqwa Intrapriża Kreattiva u Innovattiva ser jgħaddu wkoll minn fażi ta’ votazzjoni pubblika. Din ser iġġorr 25% tal-marka finali. Kull persuna intitolata għal vot wieħed abbażi tan-numru tal-karta tal-identità tagħha.
Minbarra l-premji kompetittivi, l-avveniment ser jippreżenta wkoll erba’ unuri differenti mhux kompetittivi: l-unur tabilħaqq prestiġjużg għal Karriera Artistika, il-premju għall-Promoturi Kulturali u l-premju għall-Patrimonju Artistiku. F’din l-edizzjoni ser jitħabbar ukoll l-Ambaxxatur għall-Arti li ser ikollu mandat ta’ erba’ snin.
Il-proġetti jistgħu jiġu nominati online għal kull kategorija kompetittiva fuq is-sit www.premju.mt. Il-proġetti eliġibbli għandhom ikunu ttellgħu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2025. In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati sa nofsinhar tad-19 ta’ Settembru 2025.
Għal aktar informazzjoni dwar il-premji u dwar kif tissottometti n-nominazzjonijiet tiegħek jekk jogħġbok żur is-siti www.artscouncil.mt u www.premju.mt.