Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-linji gwida u r-regolamenti għall-Iskema għall-Wirt Artistiku 2025. Din l-iskema se tkompli tappoġġja l-għaqdiet kulturali u soċjali f’Malta u Għawdex, li jaħdmu b’mod volontarju biex isaħħu u jippreservaw it-tradizzjonijiet relatati mal-festi Maltin.
Din l-iskema tkopri tliet kategoriji ewlenin:
Soċjetajiet tal-Banda u Soċjetajiet Mużikali tal-Festa – sa €8,000 kull entità eliġibbli
Saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-nar – sa €5,000* kull entità eliġibbli
Armar artistiku semi-permanenti – sa €5,000 kull entità eliġibbli
*Għaqdiet li jużaw kmamar tan-nar li mhumiex propjetà tagħhom jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €2,500.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ din l-iskema biex ikompli jissaħħaħ il-wirt kulturali Malti. “Il-festa Maltija hija parti mill-identità tagħna. Permezz ta’ din l-iskema, qed ninvestu direttament f’dawk l-għaqdiet li b’ħidmiethom jippreservaw u jżidu s-sbuħija tal-festi tagħna, filwaqt li nżidu s-sigurtà u nsaħħu l-infrastruttura kulturali tagħhom.”
Min-naħa tagħha, Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet “Din l-iskema hija mfassla biex tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-għaqdiet li jiddedikaw ħinhom biex itellgħu u jżommu ħajja t-tradizzjonijiet artistiċi u mużikali marbuta mal-festi Maltin. Aħna nħeġġu lill-organizzazzjonijiet eliġibbli biex japplikaw u jibbenefikaw minn dan il-fond.”
L-applikazzjonijiet għall-ewwel sejħa tal-iskema se jintlaqgħu sal-1 ta’ April 2025, bir-riżultati mistennija joħorġu fit-8 ta’ Mejju 2025. L-applikazzjonijiet għat-tieni sejħa se jkunu miftuħa sas-7 ta’ Ottubru 2025, b’riżultati mistennija fit-13 ta’ Novembru 2025.
Is-sejħa se tiftaħ nhar it-Tnejn 17 ta’ Frar.
Għal aktar informazzjoni dwar l-iskema u l-proċess ta’ applikazzjoni, żur is-sit www.artscouncil.mt jew ikkuntattja lill-Kunsill permezz tal-email fuq fundinfo@artscouncil.mt jew bit-telefown, fuq 23347230.