Immanuel Mifsud ippreżentat bil-Midalja Ewropea Homer tal-Poeżija u l-Arti

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 4 August 2026

Il-premju internazzjonali jirrikonoxxi l-kontribut tal-kittieb Malti għal-letteratura kontemporanja u jfakkar li l-kitba Maltija qiegħda tinfirex dejjem aktar.

L-awtur u l-poeta Malti Immanuel Mifsud formalment ġie ppreżentat bil-Midalja Ewropea Homer tal-Poezija u l-Arti għall-2026. Il-midalja ġiet ippreżentata minn Dariusz Tomasz Lebioda, il-President tal-Midalja Ewropea tal-Poezija u l-Arti, waqt ċerimonja li saret fid-Domus Zamittello. Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali f’Malta, Dr Malcolm Paul Agius Galea, u ċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, attendew il-preżentazzjoni.

Stabbilita fi Brussell fl-2016, il-Midalja Ewropea Homer tal-Poezija u l-Arti tirrikonoxxi kittieba u artisti li taw kontribut sinifikanti għall-kultura letterarja u artistika internazzjonali. Il-lawreati preċedenti jinkludu l-awturi rebbieħa tal-Premju Nobel Mario Vargas Llosa u Wole Soyinka, flimkien ma’ kittieba stabbiliti internazzjonalment fosthom Antonio Gamoneda, Jaan Kaplinski, Reiner Kunze, Adonis, Ida Vitale u Jorie Graham.

Immanuel Mifsud huwa wieħed minn żewġ kittieba li ngħataw il-premju fl-2026, flimkien mal-poeta u rumanzier Sirjan-Kurd Salim Barakat. Il-midalja tirrikonoxxi l-profondità u l-onestà li bihom xogħol Mifsud jeżamina l-memorja, l-identità, ir-relazzjonijiet tal-familja, it-trawma u l-psika umana.


Il-Ministru Dr Malcolm Paul Agius Galea feraħ lil Prof. Mifsud għal din il-kisba sinifikanti, u qal: “Xogħol Immanuel huwa bla dubju Malti, iżda l-esperjenzi li jindirizza jmissu l-qlub ta’ nies ferm lil hinn mill-gżejjer tagħna. Il-premju tal-lum jirrikonoxxi l-kisbiet individwali tiegħu u jsaħħaħ il-profil internazzjonali tal-letteratura Maltija, filwaqt li jservi wkoll ta’ ispirazzjoni għal kittieba emerġenti li jaħdmu fid-dinja lingwistika u tal-pubblikazzjoni żgħira ta’ Malta. Jenfasizza wkoll l-importanza li jinħolqu aktar opportunitajiet għall-kittieba Maltin biex jilħqu qarrejja barra minn Malta. Dan huwa konsistenti mal-istrateġija kulturali nazzjonali li qed nipprijoritizzaw, li tagħraf il-kultura bħala parti essenzjali mill-identità u l-viżjoni nazzjonali fit-tul ta’ Malta.”

Dr Luke Dalli, iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “L-għoti tal-Midalja Ewropea Homer tal-Poezija u l-Arti lil Immanuel Mifsud huwa mument ta’ kburija għal Malta u għas-settur kulturali tagħna. Dan ir-rikonoxximent prestiġjuż jiċċelebra mhux biss karriera letterarja straordinarja, iżda wkoll il-preżenza internazzjonali dejjem tikber tal-letteratura Maltija. Immanuel ilu ħafna żmien juri kif l-istejjer imsejsa fuq l-esperjenzi tagħna stess jistgħu jirreżonaw ħafna ’l bogħod minn pajjiżna. Xogħlu jkompli jispira lill-qarrejja permezz tal-awtentiċità, il-profondità u l-umanità tiegħu.

Fil-Kunsill Malti għall-Arti, aħna impenjati li nappoġġjaw lill-artisti biex jilħqu udjenzi ġodda kif ukoll li noħolqu opportunitajiet internazzjonali siewja. Kisbiet bħal dan isaħħu t-twemmin tagħna li l-kreattività Maltija tokkupa post importanti fix-xena kulturali globali. Nifirħu lil Immanuel għal dan l-unur tant mistħoqq u nirringrazzjawh talli qiegħed ikompli jgħolli l-qagħda tal-letteratura Maltija fix-xena internazzjonali.”

Il-Prof. Mifsud huwa wieħed mill-kittieba kontemporanji ewlenin ta’ Malta; il-volum ta’ xogħol tiegħu jinkludi poeżiji, rumanzi, novelli, memoir, drammi u kritika letterarja. Huwa rċieva l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura fl-2011 għal Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) u rebaħ diversi Premjijiet Nazzjonali tal-Ktieb f’Malta għall-poeżija u l-proża. Fid-diskors tiegħu wara li aċċetta l-unur, huwa qal: “Onorat ħafna li qed nirċievi din id-distinzjoni, li tirrifletti mhux biss l-apprezzament ta’ xogħli iżda, b’mod aktar speċifiku, li qiegħed jiġi rikonoxxut lil hinn minn pajjiżi. Nemmen li kull unur iġib miegħu kemm obbligu kif ukoll responsabbiltà. Nixtieq nesprimi gratitudni bla qies għall-pubblikaturi lokali tiegħi, Klabb Kotba Maltin/Midsea Books, għad-diversi pubblikaturi barra mill-pajjiż li laqqgħu lil xogħli ma’ udjenzi ġodda, u lit-tradutturi li l-impenn tagħhom għamilha possibbli li l-kitba tiegħi taqsam il-fruntieri lingwistiċi u nazzjonali. Unur bħal dan iġib miegħu wkoll responsabbiltà lejn il-qarrejja tiegħi u lejn il-kultura li minnha joħroġ ix-xogħol tiegħi. Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lill-Kapitlu tal-Midalja Homer, lill-Kunsill Malti għall-Arti u lill-Ministeru għall-Kultura, l-Arti u l-Wirt Nazzjonali għaċ-ċerimonja tal-lum.”

Il-Prof. Mifsud inħatar Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fl-2014 u sar l-ewwel kittieb Malti li ġie ospitat mil-Librerija tal-Kungress fl-Istati Uniti. Xogħlu ġie tradott u ppubblikat madwar id-dinja, u pparteċipa f’festivals letterarji, sessjonijiet ta’ qari u programmi kulturali f’bosta pajjiżi.

Permezz tad-Direttorat tal-Internazzjonalizzazzjoni tiegħu, il-Kunsill Malti għall-Arti qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex jinħolqu aktar opportunitajiet għal kittieba u professjonisti letterarji Maltin biex jibnu konnessjonijiet barra mill-pajjiż, jilħqu udjenzi ġodda u jieħdu sehem fil-pubblikazzjoni internazzjonali, it-traduzzjoni u l-iskambju kulturali.

Għal aktar informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.com.

Skip to content