Imħabbra r-riżultati tal-Iskema ta’ Apprendistat tal-Kunsill Malti għall-Arti

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 17 February 2025

Għaxar apprendisti se jsegwu programm ta’ mentoring ma’ għaxar ospitanti

Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar ir-riżultati tal-Iskema ta’ Apprendistat. Din l-inizjattiva għandha l-għan ewlieni li trawwem it-tkabbir professjonali fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta permezz ta’ investiment totali ta’ €180,000 li ser iqiegħed għaxar artisti u prattikanti fi skema ta’ mentoraġġ mifruxa tul sena sħiħa.

L-iskema tnediet f’Lulju b’sejħa għal ospianti interessati li joffru mentoraġġ lil dawn l-apprendisti. Ġew aċċettati tlettax-il ospiant biex jieħdu sehem f’din l-iskema. Fost setturi kulturali u kreattivi oħra dawn jispeċjalizzaw fiż-żfin, fl-animazzjoni, fir-riċerka u fil-komunikazzjoni, fid-disinn u fit-teatru.

It-tieni parti tal-iskema tnediet b’sejħa għal prattikanti kreattivi. B’kollox applikaw ħdax-il artist u għaxra minnhom intgħażlu biex ikunu parti mill-programm. Dawn ser jirċievu appoġġ u gwida b’mod kontinwu biex jgħinu l-iżvilupp professjonali tagħhom.

L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti (Finanzjament u Strateġija) Mary Ann Cauchi qalet: “L-Istrateġija 2025 tagħti prijorità lill-promozzjoni tal-eċċellenza fl-arti u tal-kultura, l-avvanz tal-għarfien u l-ħiliet f’dawn is-setturi. Minbarra dan bħala parti mill-prinċipji tal-kultura nazzjonali l-Kunsill Malti għall-Arti wiegħed li jappoġġa l-intrapriżi li joperaw f’dawn is-setturi. Permezz ta’ din l-Iskema ta’ Apprendistat qed inkomplu nimplimentaw din l-Istrateġija billi nappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-professjonisti kreattivi filwaqt illi noffru opportunitajiet biex insaħħu l-pedamenti tal-għarfien kif ukoll l-istrateġiji tal-intraprenditorija kulturali u kreattiva.”

L-iskema tkopri sa 100% tal-ispejjeż tal-proġetti b’limitu massimu ta’ €18,000 għal kull apprendistat. L-apprendistati ser isiru bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2025. L-ospitanti ser jimpenjaw ruħhom li jipprovdu taħriġ kontinwu u olistiku fuq il-post tax-xogħol filwaqt illi joffru wkoll il-ħin tagħhom biex jgħinu lill-apprendisti.

Għal-lista sħiħa tal-ospitanti u l-apprendistati jekk jogħġbokagħfas hawnhekk.

Skip to content