Imħabbra r-riżultati għat-tieni fażi tal-Iskema tal-Wirt Artistiku tal-2024

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 17 February 2025

28 proġett ieħor relatat mal-festi ser jibbenefikaw mill-fondi ta’ din l-iskema

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-riżultati tat-tieni fażi tal-Iskema tal-Wirt Artistiku tal-2024. 28 proġett ieħor ingħataw total ta’ €216,000 f’fondi biex jinħoloq investiment ġdid fir-riżorsi u fil-wirt kulturali Malti b’rabta mal-festi ta’ pajjiżna.

L-iskema tnediet aktar kmieni din is-sena mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-ewwel fażi ta’ din l-iskema rat total ta’ €850,000 f’fondi mqassma.

Fit-tieni fażi li qed titħabbar illum b’kollox kienu eliġibbli għall-għoti tal-fondi 28 applikazzjoni. Għalhekk l-ammont ta’ għajnuna għall-festi din is-sena ser jaqbeż il-miljun ewro.

“Fl-aħħar ftit snin rajna żieda sostanzjali fl-investiment tal-Gvern fis-setturi kreattivi. Dan l-investiment jitmexxa mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tal-inklużività – prinċipji li jiffurmaw il-bażi tal-arti. Il-wirt artistiku tagħna jagħmel ukoll parti minn din il-bażi u jirrappreżenta parti intrinsika mill-identità kulturali tagħna li teħtieġ tingħata l-opportunità u r-riżorsi ħalli tkompli tiffjurixxi”, stqarr il-Ministru Bonnici.

“Għat-tieni darba din is-sena qed inkomplu ninvestu b’mod dirett f’dan il-wirt artistiku. Għaldaqstant mhux biss implimentajna l-wegħda elettorali tagħna li niżguraw żvilupp sostenibbli f’dan is-settur iżda saħansitra morna lil hinn. Il-proġetti li qed inħabbru llum huma prova oħra tal-importanza li nagħtu lill-pajsaġġ kulturali u lill-wirt artistiku tagħna. Qed inkomplu nimplimentaw l-impenji tagħna lejn dawn l-istituzzjonijiet, fosthom klabbs tal-baned, fabbriki tan-nar u għaqdiet tal-festi biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu u jwittu t-triq għall-ġenerazzjonijiet futuri”, kkonkluda Bonnici.

L-investiment fis-salvagwardja u fil-promozzjoni tal-wirt kulturali u tar-riżorsi relatati hu wieħed mill-prijoritajiet ewlenin inkorporati fl-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan għandu l-għan li jiżgura ġejjieni sostenibbli għax-xibka soċjali u kulturali lokali ta’ Malta.

Min-naħa tagħha l-Kap tal-Finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti Rita Falzon żiedet tgħid li “permezz ta’ din l-iskema qed niżguraw illi l-klabbs tal-baned, il-fabbriki tan-nar u l-għaqdiet tal-festi tassew igawdu l-appoġġ meħtieġ illi jippermettilhom ikomplu jevolvu u jikkontribwixxu għall-identitajiet tal-komunitajiet tagħna. Inizjattivi bħal dawn isaħħu l-isforzi tagħna biex nissalvagwardjaw u nippromwovu d-diversità tal-espressjoni artistika u kulturali Maltija li twassal għal riġenerazzjoni mmexxija mill-wirt, mill-kreattività u mill-innovazzjoni.”

Il-lista sħiħa tal-benefiċjarji tinsab fuq is-sit web tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Skip to content