L-artisti Martina Georgina u Nina Gerada ser jibdew vjaġġi kreattivi ġodda fis-Soċjetà Maltija tal-Arti.
Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà Maltija tal-Arti (MSA), bi pjaċir iħabbar il-parteċipanti magħżula għat-tieni edizzjoni ta’ Variations on Emergence – il-Programm ta’ Residenza MSA x ACM, wara sejħa miftuħa.
L-artisti magħżula huma Martina Georgina, artista performattiva multidixxiplinari, u Nina Gerada, artista viżiva speċjalizzata fl-iskultura. It-tnejn li huma ser jibbenefikaw minn spazju ddedikat għall-istudjo fil-Palazzo de La Salle, baġit għall-materjali u stipendju. Ir-residenza toffri pjattaforma unika għal dawn l-artisti biex japprofondixxu l-prattika tagħhom, jesploraw direzzjonijiet ġodda u jiżviluppaw ħiliet professjonali. Appoġġati mill-MSA, huma ser jinvolvu ruħhom ukoll fl-ispazji u fl-istorja tas-Soċjetà.
Il-prattika ta’ Martina Georgina tissintetizza mezzi differenti – inkluż il-moviment, it-test, il-vuċi, l-iskultura u l-vidjo – biex toħloq xogħlijiet ta’ prestazzjoni li jiffukaw fuq id-diskors tal-identità bħala fenomenu soċjali. L-enfażi tagħha spiss titnebbaħ mill-esperjenza femminili billi tgħaqqad l-identità f’ħin reali ma’ narrattivi fittizji.
Nina Gerada taħdem fid-dixxiplina artistika tal-iskultura. Ix-xogħol tagħha bit-tafal hu ispirat mill-arkeoloġija, mill-ġeoloġija u mill-mogħdija taż-żmien. L-iskulturi tagħha spiss juru wċuħ mġenġla intenzjonalment illi jevokaw blat mittiekel kif ukoll ġilda li qiegħda tixjieħ u jesploraw għadd ta’ temi, fosthom il-komunità, il-post, il-memorja u t-tiġsim.
F’konformità mal-missjoni stabbilijta tal-MSA li tappoġġa l-artisti fit-tfittxija tagħhom għall-eċċellenza u f’kollaborazzjoni mal-għan strateġiku tal-KMA li trawwem l-innovazzjoni artistika, il-Programm ta’ Residenza MSA x ACM jistieden lill-artisti biex jispiraw ruħhom mil-legat, mill-arkivji u mill-ipprogrammar divers tal-MSA. Il-parteċipanti ser jibbenefikaw ukoll minn skeda rikka ta’ laqgħat ta’ mentoraġġ, attivitajiet multidixxiplinari u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali.
“Din it-tieni edizzjoni tal-programm ta’ residenza ssaħħaħ l-impenn tal-Kunsill Malti għall-Arti li jappoġġa l-artisti huma u jiżviluppaw il-mogħdijiet kreattivi tagħhom, f’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija 2025,” qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Fondi u Strateġija MaryAnn Cauchi fil-Kunsill Malti għall-Arti. “Billi noffru r-riżorsi u l-mentoraġġ meħtieġa qegħdin nimmiraw li nagħtu s-setgħa lill-artisti Maltin biex jirnexxu, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment,” temmet tgħid Cauchi.
Wara s-sejħa miftuħa, il-proċess rigoruż tal-għażla fittex li jidentifika artisti b’vuċijiet distintivi u b’potenzjal qawwi għat-tkabbir. Permezz ta’ din ir-residenza, il-prattikanti magħżula mhux biss ser joħolqu xogħol ġdid iżda ser jinvolvu ruħhom ukoll mal-udjenzi permezz ta’ esebizzjonijiet, prestazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi ħalli b’hekk itejbu aktar l-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali Maltija.
Il-President tal-MSA l-perit Adrian Mamo kkummenta: “Tul aktar minn 170 sena s-Soċjetà Maltija tal-Arti tkienet pilastru vitali fit-trawwim tal-komunità artistika ta’ Malta. Inħossuna kburin li qed inkomplu dan il-legat permezz tal-Programm ta’ Residenza MSA x ACM billi nipprovdu lill-artisti emerġenti l-appoġġ, l-ispazju u l-ispirazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-ambizzjonijiet kreattivi tagħhom.”
Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti żur is-sit www.artscouncilmalta.gov.mt. Biex issir taf aktar dwar is-Soċjetà Maltija tal-Arti u l-avvenimenti tagħha żur is-sit www.artsmalta.org.
Ħoloq tal-Artisti:
Martina Georgina – https://eamt.ee/en/student/martina-georgina/
Nina Gerada – https://www.ninagerada.com/