Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) flimkien mas-Soċjetà Maltija tal-Arti (MSA) qiegħed iħabbar sejħa għal artisti għat-tieni residenza fi ħdan il-Palazzo de La Salle tal-MSA bit-titlu Variations on Emergence. Wara s-suċċess tal-programm inawgurali, fejn żewġ artisti Maltin emerġenti pparteċipaw f’esperjenza ta’ mentoraġġ matul l-2024, din it-tieni is-sejħa issa tinsab miftuħa.
Ir-residenza hi riżultat ta’ kollaborazzjoni li tnediet bejn il-KMA u l-MSA s-sena l-oħra. Din l-inizjattiva inkludiet investiment ta’ €30,000 u għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-artisti filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kultura u l-kreattività f’Malta.
L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi stqarret: “Bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattivi l-Kunsill qed itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa artisti lokali u li jiżgura li dawn jirċievu r-rikonoxximent u r-riżorsi meħtieġa ħalli jkunu jistgħu jirnexxu fil-proġetti kreattivi tagħhom. Din il-kollaborazzjoni tikkonferma l-impenn tal-Kunsill li joħloq ambjent li jħeġġeġ l-innovazzjoni u t-tkabbir artistiku, dejjem skont il-prinċipji stabbiliti fl-Istrateġija 2025.”
Il-President tal-MSA Adrian Mamo ddikjara: “It-tieni residenza mistennija terġa’ tagħti frott kreattiv illi jippermetti lill-pubbliku jinteraġixxi max-xogħlijiet tal-artisti magħżula. Il-proċess jenfasizza t-triq individwali li kull artist u artista jieħdu tul ir-residenza tagħhom filwaqt li jrawwem id-djalogu u jtejjeb l-aċċess għall-arti.”
Matul ir-residenza tagħhom l-artisti Claire Farrugia u Alex Weenink bdew vjaġġ kreattiv illi beda f’April u jintemm proprju dan ix-xahar. Din l-esperjenza tathom pjattaforma unika biex jesploraw, joħolqu u jikkontribwixxu għall-pajsaġġ kulturali Malti filwaqt illi jibbenefikaw mill-gwida u mill-mentoraġġ ta’ artisti professjonali stabbiliti.

L-ispeċjalista fl-arti viżiva Farrugia stqarret: “Il-proġett L-Idejn Imgħaref tal-Fidda jesplora s-sottovalutazzjoni tax-xogħol fil-kura. Ħafna drabi din il-ħidma tibqa’ inviżibbli minkejja r-rwol essenzjali tagħha fil-kura u fil-ġestjoni tad-dar, l-iżjed għax din ma tipproduċi ebda riżultat tanġibbli f’soċjetà li tipprijoritizza eżiti li jistgħu jitkejlu. L-installazzjoni tuża dellijiet tal-idejn illi jfeġġu u jgħosfru malajr biex tenfasizza din l-assenza, imqiegħda ħdejn ix-xogħlijiet tal-arti ċċelebrati fil-kollezzjoni permanenti tal-MSA ħalli tikkritika t-traskuraġni fir-rigward ta’ xogħol illi ma jidhirx. Imqiegħda fl-ispazju sagru tal-Kappella ta’ Palazzo de La Salle l-installazzjoni tiegħi tevoka d-divinità, l-iżjed malli d-dellijiet jinteraġixxu mal-ikonografija reliġjuża, speċifikament l-astrazzjoni ta’ Inglott tal-qalb imqaddsa ta’ Ġesù fejn id-dawl jissimbolizza d-divinità u d-dellijiet jiġbdu l-attenzjoni lejn dak li jiġi injorat. Ir-residenza ta’ sitt xhur ipprovdiet spazju uniku biex l-artisti jesperimentaw, jirriflettu u jikkollaboraw u b’hekk rawmet l-evoluzzjoni tal-ideat u ppermettiet l-esperimentazzjoni b’midja ġdida permezz ta’ appoġġ finanzjarju u kreattiv.”
Weenink, li jiffoka fuq l-arti performattiva, stqarr li: “Resident Failure hi prestazzjoni-lekċer awto-satirika li tinkludi xogħlijiet tal-arti multimedjali murija madwar il-Palazzo. Din tirrifletti l-vjaġġ tiegħi bħala artist emerġenti matul din ir-residenza filwaqt illi tesplora temi ta’ identità u espressjoni. Minkejja li tissielet kontra l-falliment, is-sindromu tal-impostur u d-dubji fija nnifsi, l-esperjenza kienet tassew ispiranti u trasformattiva għax offriet workshops, avvenimenti u opportunitajiet siewja. Aktar importanti minn hekk, ipprovdietli l-ħin u l-ispazju biex nirrifletti, nesplora u nikber fl-identità, fil-proċess u fil-ħiliet artistiċi tiegħi.”

Is-sejħa għar-Residenza 2025 ser tkun għal darb’oħra soġġetta għal proċess ta’ selezzjoni rigoruż u kompetittiv imfassal apposta biex jidentifika artisti b’viżjoni distintiva u b’potenzjal li jikbru huma u jagħtu kontributi sinifikanti fil-qasam tagħhom.
Għal aktar informazzjoni żur is-siti web www.artscouncil.mt u www.artsmalta.org/whats-on.