The Ship (Unseen), xogħol l-artist żagħżugħ Malti Matthew Attard, hija verżjoni imtennijja ta’ The Ship, il-proġett li rrappreżenta lil Malta fil-padiljun Maltin waqt il-Biennale tal-Arti ġewwa Venezja fl-2024.
Għal dan il-padiljun, Attard esplora l-interazzjoni tal-graffitti tal-vapuri storiċi, it-tpinġija kontemporanja u t-teknoloġija diġitali. Billi jeżamina immaġni storika permezz ta’ tagħmir li jsegwi l-għajnejn bħala għodda ta’ tpinġija, Attard iqanqal riflessjonijiet fuq id-dipendenza kontemporanja fuq it-teknoloġija diġitali.
RETOLD hija inizjattiva fejn proġetti, minn artisti Maltin, li għamlu suċċess barra minn Malta, partikularment fil-Biennale tad-Disinn f’Londra, u fil-Biennale tal-Arti ġewwa Venezja, inġiebu Malta biex, f’verżjoni imtennijja, jiġu esebiti hawn u jitgawdew mill-Maltin.
Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti qal illi l-Kunsill Malti għall-Arti qed jassigura li l-ħiliet tal-artisti lokali, bi proġetti li qed jagħmlu suċċess barra minn xtutna, jitgawdew ukoll mill-Maltin, f’pajjiżna stess: Għalhekk RETOLD.
Dr Dalli spjega kif permezz ta’ inizjattiva bħal ma hija RETOLD, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill, il-Maltin jistgħu jifhmu, u japprezaw, ferm iżjed, kemm għandna artisti, u kreattivi tal-ogħla, u l-aqwa kwalita’ u kemm iċ-ċokon fiżiku ta’ pajjizna mhuwiex ta’ xkiel biex, l-artisti tagħna, jeċċellaw barra minn xtutna.
“Bħala Kunsill Malti għall-Arti, nemmnu li l-arti għandha l-kapaċità mhux biss li tiddokumenta jew tiċċelebra, iżda wkoll li tirrifletti, tikkritika u tfakkarna f’dak li nkunu tlifna jew injorajna. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif artisti Maltin kapaċi jirrakkontaw stejjer li jolqtu l-qalb ta’ kulħadd, anke jekk joħorġu minn realtà żgħira u speċifika.
RETOLD mhux qed iġib xogħol lura biss, qed jagħtih sens ġdid u qed ifakkarna li kull esebizzjoni li rrappreżentat lil Malta barra, għandha postha hawn ukoll, biex tfassal memorja kollettiva,” stqarr Dr Dalli.
Minn naħa tagħha Elyse Tonna, project leader ta’ The Ship (Unseen) stqarret illi it-tim wara l-proġett huwa kuntent fermi għal din l-opportunità li sabiex il-proġett jintwera f’Malta, wara li intlaqa’ b’mod tant pożittiv fil-Biennale ta’ Venezja.
“Il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad il-wirt kulturali ta’ Malta mal-futur permezz tal-użu tal-inteliġenza artifiċjali. Dan qed nagħmluh billi ninvolvu lill-udjenza f’djalogu dwar l-intersezzjoni bejn l-istorja, it-teknoloġija u l-espressjoni artistika. Huwa xieraq li dan ix-xogħol ukoll lura fil-post fejn twieled bħala kunċett.”