Il-Kunsill Malti għall-Arti jirreġistra rekord ta’ aktar minn 10 t’elef applikazzjoni taħt l-iskema ta’ tnaqqis mit-taxxa

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 22 April 2026

Rispons qawwi li juri domanda b’saħħitha għall-korsijiet kulturali u kreattivi

Il-Kunsill Malti għall-Arti rreġistra rekord ta’ 10,320 applikazzjoni taħt l-iskema ta’ Tnaqqis mit-Taxxa fuq Ħlasijiet Imħallsa għal Korsijiet Kulturali u Kreattivi, l-akbar rispons li qatt kellha din l-inizjattiva s’issa. L-iskema tippermetti lill-ġenituri u lill-kustodji ta’ tfal u żgħażagħ taħt is-16-il sena li attendew korsijiet kulturali jew kreattivi eliġibbli matul l-2025, biex jitolbu tnaqqis mit-taxxa sa massimu ta’ €300 għal kull student.

Dan in-numru konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet jindika domanda kontinwa għat-tagħlim kulturali u kreattiv madwar Malta, filwaqt li jirrifletti wkoll il-valur li l-familji jagħtu lill-aċċess għall-edukazzjoni artistika. Il-korsijiet eliġibbli taħt din l-iskema jinkludu dawk fl-arti performattiva, l-arti viżiva, is-snajja, il-midja, u l-kitba kreattiva.

F’dan il-kuntest, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, sostna:
“Dan ir-rekord mhux biss numru, imma sinjal ċar ta’ kemm il-familji f’pajjiżna qed jagħrfu l-valur tal-kreattività fit-tkabbir tat-tfal tagħhom. Meta ninvestu fl-edukazzjoni kulturali minn età żgħira, inkunu qed nibnu ġenerazzjoni aktar kreattiva, aktar kunfidenti u aktar miftuħa għad-dinja ta’ madwarha.”

Il-Kunsill Malti għall-Arti jixtieq jirringrazzja lill-iskejjel u lill-fornituri tal-korsijiet li ħadmu mill-qrib mal-ġenituri u mal-kustodji tul il-proċess kollu, u għen sabiex l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu sottomessi b’mod korrett u effiċjenti biex b’hekk setgħu jibbenefikaw mill-iskema. Din il-kollaborazzjoni kienet strumentali u bla dubju ikkontribwixxiet għar-riżultat rekord ta’ din is-sena.

Skip to content