Il-Kunsill Malti għall-Arti jilqa’ lill-imsieħba fil-proġett tal-UE Hypatia għal sessjoni ta’ taħriġ fuq l-inklużjoni diġitali

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 12 November 2026

Rappreżentanti minn erba’ pajjiżi ltaqgħu f’Malta biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar kif għandu jiġi indirizzat id-distakk diġitali bejn il-ġeneri, dwar il-komunikazzjoni inklużiva u dwar l-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

Dan l-aħħar, il-Kunsill Malti għall-Arti laqa’ xi rappreżentanti tal-proġett Hypatia għal żjara ta’ taħriġ li laqqgħet organizzazzjonijiet imsieħba minn Malta, l-Italja, Spanja u r-Repubblika Ċeka biex jaqsmu l-għarfien tagħhom u l-approċċi ta’ kif jindirizzaw id-distakk diġitali bejn il-ġeneri.

It-taħriġ kien parti minn Hypatia, inizjattiva ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Erasmus+ bl-għan li tindirizza d-distakk diġitali bejn il-ġeneri, b’mod partikolari għan-nisa li jagħmlu x-xogħol tad-dar u jieħdu ħsieb lil ħaddieħor bla ħlas. Il-proġett hu maħsub biex itejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni diġitali filwaqt li jqajjem kuxjenza dwar ir-riskji li n-nisa jistgħu jiffaċċjaw online, fosthom il-bullying fuq l-internet, fastidju u forom oħra ta’ vjolenza diġitali.

Matul it-taħriġ, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li pparteċipaw setgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom minn pajjiżhom, jesploraw flimkien approċċi differenti għall-edukazzjoni diġitali u jqisu kif ir-riżorsi tal-proġett jistgħu jgħinu lin-nisa jiżviluppaw il-ħiliet u l-kunfidenza li għandhom bżonn biex jipparteċipaw aktar bis-sħiħ f’soċjetà dejjem aktar diġitali. Barra minn hekk, mit-taħriġ siltu għarfien dwar kif l-entitajiet pubbliċi u l-kumpaniji privati jistgħu jaħdmu ma’ korpi rappreżentattivi biex ifasslu politiki mhux esklużivi u jadottaw lingwaġġ meqjus u rispettuż fil-komunikazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill Malti għall-Arti stieden lis-CRPD, lill-NCPE, lill-FITA u lit-Taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru biex jagħtu preżentazzjonijiet dwar il-ħidma tagħhom. Kull waħda mill-entitajiet mistiedna qajmet punti rilevanti għall-proġett HYPATIA għad-diskussjoni, u b’hekk l-imsieħba fil-proġett kellhom l-opportunità li jifhmu r-realtajiet ta’ persuni emarġinati u żvantaġġjati, u jaraw kif dan l-għarfien jista’ jwassal biex l-inklużjoni titqies bħala parti integrali mill-bidu nett meta entità jew organizzazzjoni tippjana avvenimenti, pubblikazzjonijiet, politiki u proċeduri ta’ ħidma.

Fit-tieni parti tal-programm tal-ewwel jum, il-Kunsill Malti għall-Arti kkoordina żjara mal-Fondazzjoni St Jeanne Antide, fejn il-voluntiera taw preżentazzjonijiet dwar il-proġett SOAR tal-Fondazzjoni, is-servizzi tagħha kif ukoll l-impriża soċjali Meraki Sapun. Matul iż-żjara, l-organizzazzjonijiet parteċipanti taw ukoll preżentazzjoni dwar il-proġett HYPATIA u r-riżorsi diġitali li ġew żviluppati, li wasslet għal diskussjoni siewja.

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “L-inklużjoni mhix biss li jkollok intenzjonijiet tajbin. Teħtieġ għarfien, fehim u, fuq kollox, ir-rieda li nisimgħu u nitgħallmu. Permezz ta’ HYPATIA, kellna l-opportunità li naqsmu l-fehmiet tagħna u nirriflettu fuq l-ostakli li jżommu lin-nies milli jipparteċipaw bis-sħiħ f’soċjetà dejjem aktar diġitali. Għall-Kunsill Malti għall-Arti, dan huwa marbut mill-qrib mad-Dritt għall-Kultura. kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jesperjenza l-ħajja kulturali, jipparteċipa fiha, jikkontribwixxi għaliha u jħossu rrappreżentat fiha.

“Bħala istituzzjoni kulturali, għandna wkoll ir-responsabbiltà li neżaminaw il-mod kif naħdmu u naraw jekk il-komunikazzjoni, l-avvenimenti u l-pjattaformi diġitali tagħna humiex tassew aċċessibbli. Il-fatt li jeżistu opportunitajiet mhux bilfors ifisser li huma aċċessibbli. Għalhekk, ħadna sehem f’HYPATIA wkoll biex nitgħallmu mingħand ħaddieħor, nidentifikaw oqsma fejn nistgħu nitjiebu u nsarrfu dan l-għarfien fil-prattika ta’ kuljum. Biex istituzzjoni tkun tassew inklużiva, trid tibqa’ tisma’, titgħallem u tkun lesta tinbidel.”

Daniel Azzopardi, id-Direttur tal-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “Meta nitkellmu dwar id-drittijiet kulturali, ma rridux naħsbu biss fil-ħolqien ta’ opportunitajiet. Irridu nqisu wkoll jekk fir-realtà, in-nies jistgħux jaċċessawhom u jipparteċipaw b’mod sinifikanti. Dan huwa l-qofol tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti. Permezz ta’ Hypatia, għandna l-opportunità li nikkonsultaw speċjalisti fl-ugwaljanza, fl-aċċessibbiltà u fl-inklużjoni, li l-għarfien espert tagħhom se jgħinna biex nifhmu aħjar l-ostakli li jiffaċċjaw in-nies u nesploraw kif nistgħu nindirizzawhom permezz ta’ djalogu strateġiku.

Il-punt ta’ Hypatia hu li nagħrfu dawn l-ostakli u nsibu modi prattiċi kif negħlbuhom. Il-proġett jagħtina wkoll l-opportunità li nesploraw kif l-approċċi kulturali u kreattivi jistgħu jgħinuna nilħqu lil dawk li leħinhom u l-esperjenzi tagħhom mhux dejjem ikunu rrappreżentati f’dawn id-diskussjonijiet.”

L-isħubija Hypatia hija kkoordinata mill-organizzazzjoni Taljana Idrisi Cultura e Sviluppo ETS u tinkludi wkoll lil IT Solutions for All fi Spanja, il-Gender Information Centre NORA fir-Repubblika Ċeka u l-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-proġett żviluppa pjattaforma ta’ tagħlim online b’diversi lingwi offruta mingħajr ħlas. Din fiha riżorsi edukattivi dwar il-ħiliet diġitali meħtieġa fil-ħajja ta’ kuljum, is-sigurtà online, l-intraprenditorija diġitali, l-aċċess għal servizzi offruti online u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Dawn ir-riżorsi huma maħsuba biex jgħinu lin-nisa jitgħallmu jużaw it-teknoloġiji diġitali b’mod indipendenti u b’kunfidenza.

Il-kontribut tal-Kunsill Malti għall-Arti għall-proġett jinvolvi t-tmexxija ta’ attivitajiet ta’ tixrid ta’ informazzjoni u ta’ tqajjim ta’ kuxjenza, fejn jintużaw approċċi kulturali u kreattivi biex jinxteħet dawl fuq l-isfidi marbuta mal-inugwaljanza diġitali. Din il-ħidma inkludiet il-produzzjoni ta’ dokumentarju qasir li jesplora l-esperjenzi tan-nisa li jagħmlu x-xogħol tad-dar u jieħdu ħsieb lil ħaddieħor bla ħlas, biex jagħti jagħti xeħta umana lil kwistjoni li spiss tiġi diskussa l-aktar permezz tal-istatistika u l-politika. Din il-kollaborazzjoni ma’ Hypatia tirrifletti l-impenn tal-Kunsill Malti għall-Arti li jaħdem ma’ msieħba Ewropej fuq l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs, fost l-oħrajn billi jesploraw kif il-kultura u l-kreattività jistgħu jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet soċjali importanti. Hypatia huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Erasmus+.

Għal aktar informazzjoni, żur https://www.hypatia-project.eu/