Il-Festival Ewropew tal-Films EUNIC reġa’ magħna għas-sitt edizzjoni tiegħu

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 14 September 2026

Se jintwerew 10 films kontemporanji minn 10 pajjiżi fi Spazju Kreattiv, flimkien ma’ tliet sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Il-Festival Ewropew tal-Films EUNIC se jirritorna l-Belt Valletta f’Settembru, fejn se jintwerew 10 films kontemporanji minn 10 pajjiżi fi programm ta’ sitt ijiem fi Spazju Kreattiv. L-attività hija organizzat mill-Cluster ta’ Malta tal-EUNIC, in-network tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura, li l-Kunsill Malti għall-Arti huwa membru tiegħu.

Għal darb’oħra din is-sena, il-festival se jippreżenta għażla selettiva miċ-ċinema Ewropea kontemporanja, bil-kontribuzzjoni tal-ambaxxati, l-istituti kulturali u l-organizzazzjonijiet imsieħba parteċipanti għall-programm. Il-films se jintwerew bejn nhar it-Tlieta, 15 ta’ Settembru sal-Ħadd, 20 ta’ Settembru, u l-programm se jkopri films drammatiċi, kummiedji u dokumentarji. Wara li jintwerew Wishbone, The Altar Boys, u Ciao Ciao se jkun hemm sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Dr Luke Dalli, il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal, “Il-Festival Ewropew tal-Films huwa eżempju mill-isbaħ tal-iskambju kulturali fil-prattika. Meta nitkellmu dwar internazzjonalizzazzjoni, ma nfissrux biss li l-artisti Maltin u l-kultura Maltija jittieħdu barra minn Malta; tfisser ukoll li l-kulturi jitlaqqgħu hawnhekk f’Malta u li l-udjenzi tagħna jingħataw l-opportunità li jiltaqgħu ma’ xogħol, stejjer u perspettivi minn pajjiżi oħra. Il-film għandu kapaċità partikolari biex jagħmel dawn il-konnessjonijiet, u jippermettilna, anke għall-ispazju ta’ screening, li nidħlu fid-dinja ta’ xi ħadd ieħor, nisimgħu lingwa oħra, nesperjenzaw kultura oħra u naraw l-affarijiet minn perspettiva differenti. Inizjattivi bħal dan il-festival joħolqu eżattament dawn l-opportunitajiet biex niskopru u nrawmu sens ta’ konnessjoni, u huma parti importanti minn kif nibnu relazzjonijiet kulturali aktar b’saħħithom madwar l-Ewropa.”

Il-EUNIC huwa network Ewropew ta’ organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali involuti fil-kooperazzjoni kulturali internazzjonali u, flimkien mal-imsieħba tiegħu, huwa preżenti f’aktar minn 100 pajjiż permezz ta’ network ta’ madwar 140 cluster. Il-festival ilu jsir f’Malta mill-2021, f’liema sena sar l-ewwel Festival tal-Films ta’ Malta tal-EUNIC fi Spazju Kreattiv.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se terġa’ tiġi organizzata mill-Cluster ta’ Malta tal-EUNIC, li l-membri tiegħu jinkludu l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ambaxxati ta’ Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands u l-Polonja, flimkien mal-Alliance Française de Malte-Méditerranée, l-Istituto Italiano di Cultura u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Il-Programm

Il-programm tal-2026 jiftaħ nhar it-Tlieta, 15 ta’ Settembru bil-film drammatiku Grieg Wishbone. Il-film isegwi gwardjan tas-sigurtà fi sptar li jispiċċa involut fi frodi medika. Wara li jintwera l-film, se jkun hemm sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mad-direttur tal-film.

Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Settembru, l-udjenzi se jkunu jistgħu jaraw żewġ films, it-tnejn segwiti minn diskussjonijiet ma’ membri tat-timijiet rispettivi tagħhom. The Altar Boys (Ministranci) mill-Polonja jiffoka fuq grupp ta’ abbatini li jiddeċiedu li jieħdu l-ġustizzja f’idejhom. Aktar tard fl-istess lejl se jintwera l-feature film Malti Ciao Ciao, li jlaqqa’ erba’ koppji matul lejl kaotiku wieħed. Wara li jintwera l-film Malti, se jkun hemm sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-kast u mal-kittieba.

Il-programm ikompli nhar il-Ħamis, 17 ta’ Settembru b’żewġ stejjer differenti ħafna. Duse mill-Italja jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq l-attriċi ċċelebrata Eleonora Duse u r-ritorn tagħha għall-palk hekk kif il-faxxiżmu beda jittanta jgħolli rasu, filwaqt li l-film Franċiż The Fourth Wall (Le Quatrième mur), adattat minn David Oelhoffen mir-rumanz ta’ Sorj Chalandon, isegwi tentattiv biex jittella’ d-dramm Antigona f’Beirut fi żmien il-gwerra.

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Settembru se naraw fuq l-iskrin il-Ġermanja, bi 22 Lengths (22 Bahnen), segwit minn Mr Nobody Against Putin, ippreżentat mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. Dan id-dokumentarju tal-2025 ta’ David Borenstein u Pavel Talankin, li rebaħ premji fl-Oscars u l-BAFTA, isegwi għalliem Russu li jiddokumenta bil-moħbi t-trasformazzjoni tal-iskola fir-raħal żgħir tiegħu f’ċentru ta’ reklutaġġ għall-gwerra matul l-invażjoni tal-Ukrajna.

Nhar is-Sibt, 19 ta’ Settembru, il-festival jippreżenta l-film Ungeriż Brazilians (Brazilok).

Fl-aħħar jum, il-Ħadd, 20 ta’ Settembru, se jintwerew żewġ films: il-film Olandiż Our Girls (Voor de Meisjes) u dak minn Spanja, House on Fire (Casa en llamas), li se jagħlaq il-festival ta’ din is-sena.

Il-films kollha se jintwerew bil-lingwa oriġinali tagħhom bis-sottotitli bl-Ingliż.

Il-biljetti għal kull film li se jintwera fil-festival huma bla ħlas, iżda l-membri tal-pubbliku jeħtieġ li jirreġistraw minn qabel permezz tas-sit elettroniku ta’ Spazju Kreattiv: https://spazjukreattiv.org/event/the-european-film-festival-2026/

Għal dettalji sħaħ dwar il-programm, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.