Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 15 July 2026

Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, ħabbar l-ewwel Legal and Finance Grant, miżura ġdida ta’ appoġġ li se tgħin lill-artisti, lill-prattikanti kreattivi u lill-organizzazzjonijiet kulturali għall-aċċess għal pariri professjonali legali u finanzjarji. Permezz ta’ din l-għotja l-ġdida, il-benefiċjarji jistgħu jingħataw sa massimu ta’ €3,000.

L-għotja, li tfasslet wara konsultazzjoni mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), għandha l-għan li twieġeb għall-bżonnijiet professjonali prattiċi tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li tappoġġja s-sostenibbiltà fit-tul tal-prattika artistika. Il-fondi jistgħu jintużaw biex jinkisbu pariri legali u finanzjarji f’oqsma bħal kuntratti, proprjetà intellettwali, ġestjoni tad-drittijiet, taxxa, kontabilità, ippjanar finanzjarju, rekwiżiti marbuta mal-assigurazzjoni u obbligi regolatorji relatati ma’ xogħol artistiku jew kulturali, bl-ispejjeż eliġibbli koperti kollha.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea tenna li “Dan il-Gvern jemmen li l-kultura mhijiex spiża, iżda investiment. Meta ninvestu fl-artisti tagħna ma nkunux qed nappoġġjaw biss il-kreattività, iżda nkunu qed nibnu ekonomija aktar innovattiva, soċjetà aktar b’saħħitha u pajjiż li jagħraf il-valur tat-talent tiegħu. Il-Legal and Finance Grant huwa eżempju konkret ta’ kif qed nagħtu lill-professjonisti kreattivi l-għodod biex mhux biss joħolqu, iżda wkoll jikbru u jirnexxu b’mod sostenibbli.”

Iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli qal li din l-iskema hija pass ieħor lejn settur kulturali aktar professjonali u sostenibbli. “Artist illum mhux biss joħloq, iżda jmexxi wkoll il-karriera tiegħu bħala professjonist. Jiffirma kuntratti, jimmaniġġja d-drittijiet tiegħu, jieħu deċiżjonijiet finanzjarji u jinnaviga obbligi legali u regolatorji. Permezz tal-Legal and Finance Grant qed ninvestu mhux biss fil-kreattività, iżda wkoll fil-kapaċità tal-artisti u tal-organizzazzjonijiet kreattivi li joperaw b’aktar kunfidenza, professjonalità u reżiljenza. Din l-iskema tirrifletti l-viżjoni tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti li nibnu settur fejn il-kreattività tkun appoġġjata mhux biss permezz tal-finanzjament, iżda wkoll permezz tal-għodod u s-servizzi meħtieġa biex jinbnew karrieri sostenibbli fit-tul.”

Id-Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, qalet li l-għotja tindirizza bżonn prattiku fis-settur. “L-artisti u l-organizzazzjonijiet kreattivi spiss ikollhom jittrattaw kuntratti, obbligi tat-taxxa, ġestjoni tad-drittijiet u kwistjonijiet ta’ konformità bħala parti mix-xogħol professjonali tagħhom. Din l-iskema tirrifletti l-prinċipji mniżżla fil-Karta dwar l-Istatus tal-Artist, b’mod partikolari fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, titjib fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, prattika etika, drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-rikonoxximent professjonali tal-artisti. Il-fondi joffru lill-artisti u lill-organizzazzjonijiet kreattivi aċċess għall-għarfien professjonali li għandhom bżonn biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jħarsu l-valur tal-prattika tagħhom, filwaqt li jsaħħu ukoll il-kundizzjonijiet professjonali li fihom joperaw. B’dan il-mod, il-fond jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2030 u l-impenn favur settur kulturali u kreattiv aktar reżiljenti.”

Nicole Debono, Segretarja Ġenerali fil-Malta Entertainment Industry and Arts Association, qalet “Aħna grati lejn il-Kunsill Malti għall-Arti talli rrikonoxxa dan in-nuqqas, u għall-mod kollaborattiv li bih din l-iskema ħadet forma. Dak li qed nniedu llum jirrifletti djalogu ġenwin — bejn MEIA u l-Kunsill, iżda fl-aħħar mill-aħħar, fis-servizz tal-komunità kreattiva u kulturali usa’, kemm jekk membri ta’ MEIA kif ukoll jekk le. Din l-aċċessibbiltà hija importanti ħafna għalina. Governanza tajba tfisser skema li hi miftuħa, ġusta, u verament utli għal kulħadd f’dan is-settur”

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa nofsinhar tat-2 ta’ Settembru 2026. Għal aktar informazzjoni żuru https://www.artscouncilmalta.gov.mt​.t.

Skip to content