Edinburgh Fringe – The Malta Showcase

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 18 December 2025

Sejħa għal Proposti għal Taħriġ u Żvilupp ta’ Proġetti

Data u Ħin ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet: 15 ta’ Frar, nofsinhar (CET)

Dwar il-Programm

Il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed iniedi Sejħa għal Proposti għal Taħriġ u Żvilupp ta’ Proġetti, speċifikament għall-Edinburgh Fringe – The Malta Showcase (2027). Din l-inizjattiva hija ddisinjata sabiex tappoġġja diretturi, produtturi, u prattikanti kreattivi fl-arti performattiva, u li għandhom l-għan li jkabbru n-netwerks tagħhom, u jippreżentaw ix-xogħol tagħhom fix-xena internazzjonali. Dan il-programm jinkludi l-opportunità unika għall-parteċipanti magħżula sabiex jissottomettu l-proposta tagħhom u biex jippreżentaw ix-xogħol tagħhom fl-Edinburgh Fringe fl-2026 għall-2027.

Il-programm għandu l-mira li jipprovdi workshops speċifiċi, sessjonijiet ta’ tagħlim f’gruppi, u eżerċizzji ta’ touring prattiċi għallparteċipanti sabiex jakkwistaw l-għodda biex jiddisinjaw u jwettqu proġetti ta’ suċċess. Permezz ta’ mentoraġġ strutturat u taħriġ immexxi minn esperti, il-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-għan li jgħammar l-artisti bl-għodda prattiċi sabiex jinnavigaw ix-xena internazzjonali.

Bħala investiment f’karrieri artistiċi, dan il-programm huwa miftuħ għal applikanti Maltin u/jew li huma bbażati f’Malta li jaħdmu fit-teatru, fiż-żfin, f’prestazzjonijiet/spettakli interdixxiplinarji, ċrieki, kummiedja, mużika, spirtu pront, u arti performattiva oħra. Il-programm huwa wkoll pjattaforma strateġika professjonali ta’ profil għoli għan-netwerking bl-għan li kreazzjonijiet minn Malta jiġu mxerrda u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-karrieri ta’ professjonisti tal-arti performattiva lil hinn mix-xtut Maltin.

Parteċipazzjoni f’dan il-programm hija b’xejn, però l-postijiet huma limitati.

Il-programm se jinkludi:

  • Laboratorji Prattiċi – workshops fiżiċi mmexxija minn professjonisti tal-industrija, bħal workshops fil-produzzjoni għallesportazzjoni
    u t-touring;
  • Mentoraġġ – kif tista’ tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli, strateġija għall-midja, l-involviment tal-industrija, u
    r-reklamar;
  • Appoġġ – spazju ta’ appoġġ fejn jiġu diskussi sfidi, esperimentazzjoni, u l-bini ta’ kunfidenza;
  • Netwerking tal-Industrija – laqgħat ma’ programmaturi, ġestituri ta’ festivals, u rappreżentanti ta’ siti permezz ta’
    sessjonijiet ‘meet-the-industry’ online;
  • Skambju ta’ Għarfien – aqsam ma’ u appoġġja lil oħrajn fi gruppi żgħar sabiex tanalizza u ssolvi sfidi, tixpruna t-tkabbir
    professjonali ta’ xulxin, kif ukoll tikkontribwixxi għal sessjonijiet bejn il-pari sabiex tinkuraġġixxi soluzzjonijiet għal problemi
    kollettivi u kollaborazzjoni futura.

Struttura tal-Programm

Dan il-programm huwa strutturat fuq medda ta’ 18-il xahar, f’erba’ stadji (indikati hawn taħt), u se jinżamm minn April 2026 sa Settembru 2027. Jekk proposta tkun magħżula, il-parteċipanti għandhom l-opportunità sabiex jipparteċipaw f’sessjoni ta’ preżentazzjoni għall-Fringe fl-2026, bil-possibbiltà li jipparteċipaw bil-produzzjoni tagħhom stess fl-Edinburgh Fringe 2027.

Selezzjoni inizjali | Preżentazzjoni tal-proposti u evalwazzjoni f’Q1 2026.

L-1el Fażi | Workshop fuq medda ta’ 4 ijiem bejn il-25 – it-28 ta’ April 2026.
It-2ni Fażi | Appoġġ kontinwu, mentoraġġ, u laqgħat ma’ pari fl-industrija f’Mejju, Ġunju, u Lulju 2026 (żewġ sessjonijiet ta’ 90 minuta fix-xahar li se jkopru netwerking tal-industrija u skambju ta’ għarfien).

Shortlisting | Skont il-prestazzjoni matul il-programm sa dan il-punt, panel espert se jirrivedi u jevalwa l-progress tal-parteċipanti, abbażi ta’ kriterji li se jkunu kkomunikati lill-parteċipanti matul it-2ni
Fażi. Jekk ikunu shortlisted, il-parteċipanti se jkunu mistiedna biex jipparteċipaw fit-3et Fażi.

It-3et Fażi | Sessjoni ta’ preżentazzjoni fis-Sajf ta’ 2026.

Shortlisting addizzjonali |Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jippreżentaw l-idea jew proġett żviluppat
tagħhom. Għas-sessjonijiet ta’ preżentazzjoni, kwalunkwe spejjeż ta’ vjaġġar u akkommodazzjoni se
jiġu koperti mill-Kunsill Malti għall-Arti. Jekk tali proposta tkun shortlisted għal darb’oħra, dan it-tali
parteċipant se jkun mistieden jipparteċipa fir-4a’ Fażi.

Ir-4a’ Fażi | Preparazzjoni għal parteċipazzjoni fil-Fringe fl-2027.

Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Selezzjoni


Wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni, applikanti prospettivi se jkunu mistiedna għal proċess ta’ selezzjoni inizjali fejn se jkunu mistennija li jippreżentaw il-proposta tagħhom għall-kunsiderazzjoni u evalwazzjoni ta’ panel espert. Il-KMA qiegħed ifittex diretturi, produtturi, u prattikanti kreattivi Maltin u/jew ibbażati f’Malta impenjati, li huma ħerqana sabiex jikbru u jkunu parti minn esperjenza ta’ arrikkiment li matulha l-parteċipanti se jirċievu taħriġ u mentoraġġ sabiex jiżviluppaw u jipproduċu xogħol għax-xena internazzjonali.

Aħna nilqgħu applikazzjonijiet eliġibbli minn diretturi u produtturi li:

  • Huma professjonisti kreattivi/artisti individwali, kooperattivi, organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-
    Organizzazzjonijiet Volontarjiet, JEW entitatijiet reġistrati mar-Reġistru tan-Negozji ta’ Malta (inkluż kumpaniji, msieħba,
    fundazzjonijiet, u organizzazzjonijiiet/assoċjazzjonijiet) JEW gruppi, kollettivi, u konsorzji;
  • Huma Maltin u/jew ibbażati f’Malta;
  • Qed jiżviluppaw xogħol ġdid jew għandhom proġett eżistenti lest għall-esportazzjoni;
  • Jixtiequ jespandu l-għarfien, ħiliet, u netwerks internazzjonali tagħhom;
  • Jixtiequ jfittxu għajnuna professjonali sabiex jibnu strateġija ta’ produzzjoni, ġbir ta’ fondi, u għodda promozzjonali;

Applikazzjonijiet se jiġu riveduti minn panel ta’ esperti li se jevalwaw abbażi tal-kriterji mniżżla hawn taħt:

  • Oriġinalità, relevanza, u mertu artistiku tax-xogħol propost (20 marka);
  • Il-potenzjali għal touring u l-adattabbiltà tal-proġett għal touring (f’termini ta’ skala, adattabbiltà, u reżonanza tematika) (10 marki);
  • Kunsiderazzjonijiet ta’ udjenzi u siti potenzjali (15-il marka);
  • Il-livell tat-tħejjija, l-impenn, u l-għarfien tal-applikanti ta’ fejn jinsabu fil-vjaġġ professjonali tagħhom (10 marki);
  • Għanijiet ċari għall-parteċipazzjoni fil-programm (15-il marka);
  • Għarfien dimonstrabbli tal-għanijiet tal-programm u impenn għat-tagħlim u l-kollaborazzjoni (10 marki);
  • Kuntest u bżonn ta’ kif il-programm se jimpatta l-karriera tal-applikant (10 marki);
  • Ostakli li l-applikant jaffaċċja biex jaċċessa opportunitajiet għal touring (5 marki);
  • Kemm l-applikant huwa mħejji sabiex jaffaċċja din l-isfida (5 marki).

Din is-sejħa hija kompetittiva u se tiġi evalwata minn panel ta’ esperti settorjali skont il-kriterji stabbiliti. Hekk kif speċifikat hawn fuq, kull kriterju huwa allokat numru speċifiku ta’ marki. Sabiex ikunu kkunsidrati għas-selezzjoni, il-proposti magħmula jridu jakkwistaw minimu 60 marka.

Il-Kunsill Malti għall-Arti se jagħżel l-evalwaturi abbażi tal-esperjenza indipendenti u professjonali tagħhom. L-evalwaturi se jippreżentaw evalwazzjoni ta’ kull produzzjoni proposta, u jindikaw il-klassifikazzjonijiet relevanti mogħtija. Is-sessjoni ta’ evalwazzjoni u d-deċiżjoni fuq parteċipazzjoni jiddependu mill-kwalità tal-proposti sottomessi kif ukoll id-disponibbiltà ta’ fondi governattivi sabiex isostnu dan il-programm.

Rekwiżiti tal-Parteċipazzjoni

Matul il-programm, dawk li jirċievu mentoraġġ iridu:

  • Jikkommettu għall-programm matul il-perjodu kollu tiegħu;
  • Jivvjaġġaw skont il-bżonn;
  • Jirrispettaw il-ħinijiet allokati għas-sessjonijiet;
  • Jippreparaw minn qabel xogħol, mistoqsijiet, abbozzi, pjanijiet għal tours, u xogħol ieħor mhux lest kif ukoll materjali skont
    il-bżonn;
  • Jirrispettaw il-ħidma u l-isfondi tal-bqija tal-membri tal-grupp;
  • Jirrikonoxxu l-appoġġ tal-programmm permezz tal-midja soċjali waqt li l-programm ikun għaddej u f’dokumentazzjoni futura jew materjali użati waqt touring.

Għall-1el u t-2ni fażi speċifikament, dawk li jirċeivu mentoraġġ huma mistennija li jattendu tal-anqas 80% tas-sessjonijiet ta’ taħriġ u workshops, li se jinżammu lokalment fuq il-post.

Jekk dawk li jirċievu mentoraġġ javvanzaw għat-3et u/jew ir-4a’ fażi, termini u kundizzjonijiet addizzjonali japplikaw, abbażi tal-proposta magħżula, skont kif ikun xieraq għall-possibbiltà ta’ preżentazzjoni u produzzjoni mtellgħa fil-Fringe, inkluż iżda mhux limitat għal adattamenti speċifiċi għas-sit, preparazzjonijiet ta’ provi, laqgħat dwar strateġija għall-midja, u rekwiżiti tas-sit.

Sottomissjoni tal-Applikazzjoni

Segwi dawn l-istruzzjonijiet biex tapplika:

  1. Aqra dawn il-linji gwida u regolamenti b’reqqa.
  2. Iċċekkja jekk l-idea proposta ma tistax tiġi indirizzata b’din l-iskema.
  3. Segwi din il-ħolqa għas-sistema ta’ applikazzjoni online.
  4. Għal dawk li m’għandhomx profil, jekk jogħġobkom oħolqu wieħed mal-Kunsill Malti għall-Arti billi tagħfsu ‘Irreġistra’ u timlew id-dettalji. L-applikanti huma mitluba biex jirreġistraw fuq is-CRM tal-KMA minn tal-anqas ġimagħtejn qabel id-data tal-iskadenza tas-sejħa.
  5. Mis-sezzjoni għal sejħiet miftuħa, agħżel l-applikazzjoni online għall-iskema applikabbli.
  6. Segwi l-istruzzjonijiet pass b’pass. Imla l-informazzjoni mitluba kollha mill-applikazzjoni online, inkluż il-baġit, u ehmeż iddokumentazzjoni
    ta’ appoġġ.
  7. Issottometti l-applikazzjoni. Jintbagħat rikonoxximent awtomatiku mis-sistema. Jekk ma tirċevihx, ikkuntattjana fuq applyforfunds@artscouncil.mt.

Sabiex ikunu kompluti, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu:

  • Dettalji ta’ kuntatt tal-applikant ewlieni;
  • Bijografija artistika jew profil tal-kumpanija u portafoll;
  • Ċertifikat tal-VAT;
  • Ittra ta’ motivazzjoni (800 kelma):
    • Inkuż: ir-raġuni għala din l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata għall-programm, għala l-esportazzjoni hija importanti għall-proġett propost f’dan l-istadju, kif ukoll deskrizzjoni tal-għanijiet ta’ esportazzjoni.
  • Dikjarazzjoni ta’ impenn, iffirmata mill-applikant;
  • Għanijiet ta’ żvilupp (500 kelma):
    • Inkluż: it-tip ta’ mentoraġġ mixtieq, u kif din l-esperjenza se tikkontribwixxi għax-xogħol u l-iżvilupp professjonali b’mod ġenerali tal-applikant.
  • Proposta tal-proġett:
    • Deskrizzjoni tax-xogħol li jrid jiġi esportat, u l-potenzjal tiegħu għal touring minn perspettiva artistika u ta’ produzzjoni (500 kelma);
    • Speċifikazzjonijiet tekniċi u touring rider, b’indikazzjoni bil-miktub ta’ kwalunkwe adattamenti previsti li jista’ jkun iridu jsiru għal sit speċifiku. Jekk ix-xogħol propost għadu fi stadju ta’ żvilupp, abbozz preliminari/indikattiv jista’ jiġi kkunsidrat. Għalkemm dan huwa dokument mandatorju, dan huwa għal skopijiet ta’ gwida biss u mhux se jifforma parti mill-proċess ewlieni ta’ evalwazzjoni;
    • Stima tal-baġit ta’ produzzjoni għall-prestazzjoni ta’ touring fl-Edinburgh Fringe, lil hinn minn kwalunkwe adattamenti li jridu jsiru f’sit speċifiku. Jekk ix-xogħol propost għadu fi stadju ta’ żvilupp, abbozz preliminari/indikattiv jista’ jiġi kkunsidrat. Għalkemm dan huwa dokument mandatorju, dan huwa għal skopijiet ta’ gwida biss u mhux se jifforma parti mill-proċess ewlieni ta’ evalwazzjoni;
  • Recording ta’ awdjo u vidjo ta’ kwalità għolja tax-xogħol propost; jekk ix-xogħol ta’ prestazzjoni għadu ma ġiex maħluq sal-punt tal-applikazzjoni, file ddettaljat li jindika l-istadji ta’ żvilupp kollha sa dak il-punt irid jiġi inkluż.
  • Ħolqiet għal vidjos (ippreferuti) jew materjali ta’ portafoll li jesebixxu xogħol riċenti. Għal xogħlijiet mhux lesti, vidjos ta’ provi, abbozzi ta’ skritti, mood boards, eċċ. huma aċċettabbli (awdjoviżwali ta’ aktar minn 5MB jistgħu jiġu mtellgħin direttament fuq il-formola tal-applikazzjoni. Files ikbar jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ ħolqa aċċessibbli);
  • Jekk applikabbli, l-aktar ċertifikat riċenti ta’ reġistrazzjoni ta’ Standard Tajjeb. Dan id-dokument jiġi rivedut kull sena mir-Reġistru tan-Negozji ta’ Malta u huwa prova ta’ konformità;
  • Kwalunkwe informazzjoni u/jew dokumenti addizzjonali li jsostnu din l-applikazzjoni.

Skeda ta’ Żmien għall-Applikazzjonijiet

Data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet:
15 ta’ Frar 2026, nofsinhar (CET).
Preżentazzjonijiet: L-applikanti se jkunu mistiedna għal sessjoni ta’ preżentazzjonijiet.
Selezzjoni: Is-selezzjoni finali se tkun mħabbra f’Marzu 2026.

Agħfas hawn biex tniżżel il-linji gwida u agħfas hawn biex tniżżel il-mudell tal-applikazzjoni.

TERMINI U KUNDIZZJONIJIET

  • Applikzzjoniijet li jiġu sottomessi wara d-data tal-iskadenza mhux se jiġu kkunsidrati.
  • Applikanti jistgħu jissottomettu aktar minn applikazzjoni waħda taħt l-istess sejħa. Madanakollu, applikazzjoni waħda biss mill-applikazzjonijiet tista’ tiġi magħżula għal kull edizzjoni ta’ din is-sejħa.
  • Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati minn panel ta’ esperti. F’każ ta’ ammont kbir ta’ sottomissjonijiet, il-panel jirriserva d-dritt li jagħmel shortlisting fl-istadju inizjali.
  • Il-panel ta’ esperti jirriserva d-dritt li ma jagħżel ebda mis-sottomissjonijiet jekk dawn ma jilħqux l-istandard ta’ kwalità meħtieġ.
  • Għal iktar informazzjoni jew mistoqsijiet dwar din is-sejħa, ikkuntattjawna fuq info-internationalisation@artscouncil.mt.

Skip to content