Dr Luke Dalli jinħatar Chairman Eżekuttiv ġdid tal-Kunsill Malti għall-Arti

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 13 June 2025

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħatar lil Dr Luke Dalli bħala Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Dr Dalli se jkun qiegħed jassumi dan l-irwol wara li Albert Marshall, li ta snin twal ta’ servizz dedikat u kiseb riżultati sinifikanti fil-promozzjoni u t-tisħiħ tas-settur kulturali u kreattiv f’Malta, għażel li jassumi rwol differenti fi ħdan l-istess Kunsill.

Is-Sur Marshall se jkompli jagħti s-sehem tiegħu bħala konsulent fi ħdan l-istess Kunsill, sabiex il-Kunsill ikompli jibbenefika mill-esperjenza u l-għarfien tiegħu fl-ekosistema kulturali u kreattiva ta’ pajjiżna.

Dr Bonnici rringrazzjah tas-servizz tajjeb immens li ta u talli aċċetta u laqa’ t-talba tiegħu li jkompli jaħdem u jikkontribwixxi fi ħdan il-Kunsill f’din il-funzjoni l-ġdida.

Min-naħa tiegħu, Dr Luke Dalli huwa avukat ta’ 36 sena, speċjalizzat fil-liġi li tirregola l-proprjetà intellettwali u l-akkwist pubbliku. Għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, serva bħala Kap tal-Uffiċċju Legali, u aktar tard bħala Kap tal-Operat fi ħdan l-istess Kunsill Malti għall-Arti.

Il-Ministru Bonnici awgura kull suċċess lil Dr Dalli għall-kariga ġdida tiegħu, u jħares ‘il quddiem sabiex flimkien mat-tmexxija u l-ħaddiema kollha tal-Kunsill titkompla l-ħidma favur settur kulturali u kreattiv li joffri dar naturali għall-artisti Maltin u Għawdxin.

Ritratt: MCLG

Skip to content