Matul ħajjitna ta’ kuljum niltaqgħu ma’ firxa ta’ esperjenzi u xeni li jqanqlu skumdità, biża’ jew saħansitra stmerrija. Minn tbatijiet personali sa tħassib soċjetali usa’, bosta aspetti tal-ħajja jistgħu jinħassu peżanti u mhux attraenti. Madankollu But I See Beauty and Wonder… tistedinna nerġgħu nikkunsidraw dawn l-elementi mil-lenti tal-arti. L-erbatax-il artist parteċipanti ġew sfidati jibdew b’temi jew oġġetti spiss ittimbrati bħala xrkm attraenti jew tal-waħx u jittrasformawhom f’xi ħaġa interessanti, affaxxinanti jew sabiħa.
Ċentrali għal din l-esebizzjoni hi l-idea li s-sbuħija u l-kruha huma suġġettivi u ffurmati minn perspettivi individwali. L-artisti ser iġibu l-interpretazzjonijiet uniċi tagħhom għat-tema billi joffru firxa diversa ta’ xogħlijiet illi jċajpru l-linja bejn l-ispjaċevoli u s-sabiħ.
Bħala parti minn din l-esebizzjoni ser tiġi offruta sensiela ta’ workshops għat-tfal li jiffukaw fuq diversi prattiki kreattivi u karrieri fl-arti matul il-Festival ŻiguŻajg 2024. Dawn il-workshops ser jitmexxew mill-artisti Rebecca Ranieri (Italja), Ioulia Chante (il-Greċja/Malta), Ebru Cinar (it-Turkija/Malta), Sarah Maria Scicluna (Malta) u Shweta Urane (l-Indja).
L-artisti parteċipanti jinkludu Alexandra Aquilina (Malta/il-Ġermanja), JP Azzopardi (Malta), Aaron Bezzina (Malta), Clint Calleja (Malta), Katel Delia (Franza/Malta), SJ Fuerst (l-Istati Uniti/Malta), Sima Kahaki (l-Iran), Rebecca Ranieri (l-Italja), Darren Tanti (Malta), Shweta Urane (l-Indja), Bernice Vassallo (Malta), Andrea Vibiola u Malta Carpentieri (l-Italja).
Ikkurata minn Melanie Erixon, l-esebizzjoni ser tkun miftuħa għal viżitaturi minn 7 snin ’il fuq mid-9 ta’ Novembru 2024 sal-5 ta’ Jannar 2025. Il-vetrina ser tokkupa l-Ispazji A, B, l-Atrium u l-Atrium Approach fi Spazju Kreattiv u twiegħed esperjenza immersiva u riflessiva għal dawk kollha li jattendu.
Il-kuratriċi l-esebizzjoni Melanie Erixon qalet: “Bħala kuratriċi jispirani nara kif l-artisti kapaċi jittrasformaw dak li spiss ninjoraw jew insibu inkwetanti f’xi ħaġa sabiħa u interessanti. But I See Beauty and Wonder… tisfidana nerġgħu nikkunsidraw il-perċezzjonijiet tagħna u tistieden lill-viżitaturi biex isibu x’jgħaġġibhom fil-mhux mistenni. Ridt noħloq esebizzjoni li tirreżona kemm mal-udjenzi żgħar kif ukoll mal-pubbliku ġenerali u ninsab eċċitata li qed nuri xogħlijiet minn artisti internazzjonali li x-xogħlijiet tagħhom qatt ma dehru f’Malta niex b’hekk noffru esperjenza rikka u eklettika li nittama li tqanqal kurżità u mħabba dejjiema għall-arti kontemporanja.”
Id-Direttur tal-Festival Internazzjonali tal-Arti ŻiguŻajg għat-Tfal u ż-Żgħażagħ Marta Vella stqarret: “Din l-esebizzzzjoni tisfida l-istint tagħna li nagħtu l-ġenb lill-iskomdu u tħeġġiġna nħarsu aktar mill-qrib u niskopru s-sbuħija ġewwa fina. Billi nittrasformaw dak illi spiss inwarrbuh għax ikrah jew inkwetanti qegħdin niċċelebraw il-qawwa tal-arti li tbiddel il-perspettivi u tispira konnessjonijiet aktar profondi mad-dinja ta’ madwarna li jibdew mit-tfulija.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi qal: “Din l-inizjattiva hi fundamentali għall-missjoni kontinwa tagħna li nippromwovu l-arti u l-kreattività fost udjenzi iżgħar, inrawmu l-apprezzament tagħhom għal prattiki diversi filwaqt li nħeġġuhom jikkunsidraw li jsegwu karrieri fl-arti. L-esebizzjoni nifisha tirrappreżenta sforz kollettiv mill-artisti parteċipanti biex jesploraw tema rilevanti ħafna. Hawnhekk it-tfal huma l-fokus ċentrali. Din l-esebizzjoni għandha l-għan li tinvolvi l-imħuħ żgħar u tispirahom permezz ta’ xogħlijiet artistiċi li jqanqlu l-ħsieb u esperjenzi kreattivi prattiċi.”
L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet għall-Finanzjament u l-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti Mary-Ann Cauchi nnutat kif l-objettivi ta’ din l-esebizzjoni jorbtu mal-azzjonijiet tal-qasam strateġiku tal-Edukazzjoni u l-Iżvilupp tal-Istrateġija 2025. “It-trawwim tal-apprezzament tal-arti fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom hu essenzjali għall-benesseri u għat-tkabbir tas-settur tal-arti. Hu proprju permezz ta’ kollaborazzjonijiet, f’dan il-każ il-kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u ŻiguŻajg, li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq. Għall-Kunsill Malti għall-Arti Inizjattivi edukattivi u opportunitajiet biex in-nies jaċċessaw l-edukazzjoni fl-arti huma oqsma prijoritarji.”
Il-proġett tal- esebizzjoni jagħmel parti mill-programmi tal-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ta’ Spazju Kreattiv u ŻiguŻajg prodotti mill-Fondazzjoni Kreattività b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-proġett igawdi l-appoġġ tal-Istituto Italiano di Cultura u Cavalieri Hotel.
Għal aktar tagħrif dwar din l-esebizzjoni żur is-sit www.kreattivita.org. Għall-ktieb tal-workshops żur is-sit www.ziguzajg.org.