Allokazzjoni ta’ finanzjament ta’ €1 miljun għat-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 1 October 2026

Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jintroduċi proġett ta’ bini tal-kapaċitajiet b’firxa wiesgħa li joffri taħriġ lokali speċjalizzat u għotjiet għal żvilupp professjonali barra minn Malta kif ukoll online.

Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jimplimenta inizjattiva maġġuri ta’ taħriġ appoġġjata minn allokazzjoni ta’ finanzjament ta’ €1 miljun. L-inizjattiva se ssaħħaħ il-ħiliet, il-kapaċità professjonali u r-reżiljenza fit-tul ta’ kull min jaħdem fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.


L-inizjattiva ESF+.03.243 bl-isem It-Tisħiħ tas-Setturi Kulturali u Kreattivi ta’ Malta permezz tal-Lifelong Learning hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u ilha għaddejja minn April 2025 sa Diċembru 2028. Il-proġett hu mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti u qed jitwassal f’kollaborazzjoni ma’ network wiesa’ ta’ sħab kulturali, edukattivi u settorali.

L-inizjattiva twieġeb għad-disponibbiltà limitata ta’ opportunitajiet strutturati ta’ żvilupp professjonali fi ħdan is-settur, speċjalment għall-freelancers, għall-prattikanti li jaħdmu għal rashom u għal min jaħdem fi ħdan mikrointrapriżi. L-inizjattiva ġiet żviluppata permezz tar-riżultati li ħarġu minn Analiżi tal-Ħtiġijiet ta’ Taħriġ, liema analiżi identifikat nuqqasijiet fil-ħiliet eżistenti u l-ħtieġa qiegħda tikber għal kompetenzi relatati mad-diġitilizzazzjoni, is-sostenibbiltà u l-prattiki professjonali li qed jinbidlu.

Il-proġett huwa msejjes fuq l-esperjenza ta’ CREATE 2020, il-proġett preċedenti tal-bini tal-kapaċitajiet iffinanzjat mill-FSE li ġie implimentat bejn l-2018 u l-2022, u jintroduċi offerta ta’ tagħlim tul il-ħajja iktar wiesgħa u iktar strutturata. Jappoġġja wkoll id-direzzjoni strateġika usa’ tal-Kunsill Malti għall-Arti billi jittraduċi l-enfasi tagħha fuq żvilupp professjonali u settorali fi proġett sostanzjali tal-bini tal-kapaċitajiet

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea saħaq li l-investiment fis-settur kulturali għandu jimxi id f’id mal-investiment fin-nies li jagħtuh il-ħajja. “L-artisti u l-professjonisti kulturali huma fil-qalba tal-ekosistema kulturali tagħna, u għalhekk irridu nkomplu noħolqu l-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibnu karrieri professjonali u sostenibbli. Dan il-proġett huwa parti minn viżjoni usa’ li tħares lejn l-artist bħala professjonist u tinvesti mhux biss fil-produzzjoni kulturali, iżda wkoll fl-għarfien, fil-kapaċitajiet u fl-iżvilupp fit-tul ta’ dawk li jaħdmu fis-settur. Meta ninvestu fihom, inkunu qed ninvestu fil-futur kulturali ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti sostna li dan l-investiment li jammonta għal €627,000 f’fondi Ewropej juri b’mod konkret kif ir-riżorsi Ewropej qed jiġu tradotti f’opportunitajiet reali għan-nies. “Permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qed ninvestu direttament fil-ħiliet, fl-iżvilupp professjonali u fil-futur ta’ aktar minn 470 persuna li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi. Irridu li l-fondi Ewropej ikomplu jkunu għodda li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tan-nies, tħeġġeġ l-innovazzjoni u tgħin lis-settur kulturali tagħna jsir aktar sostenibbli, inklużiv u reżiljenti,” qal il-Ministru.

Dr Luke Dalli, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti qal, “L-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi fl-aħħar mill-aħħar ifisser li ninvestu fl-individwi li jagħmlu dawn is-setturi dawk li huma. Settur kulturali sod ma jissawwarx bil-proġetti biss imma permezz tal-individwi, l-għarfien tagħhom, il-ħiliet tagħhom u l-opportunitajiet li jkollhom sabiex ikomplu jiżviluppaw b’mod professjonali. Permezz ta’ dan il-proġett, qed nittraduċu l-impenn strateġiku tagħna lejn l-iżvilupp professjonali f’opportunitajiet konkreti li jwieġbu għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tas-settur tagħna fejn ngħinu l-artisti u l-professjonisti kulturali jibnu karrieri iktar sostenibbli u ngħinu lill-organizzazzjonijiet biex isiru iktar reżiljenti, inklużivi u kapaċi jwieġbu għall-bidla.”

Il-proġett huwa organizzat madwar żewġ pilastri kumplimentari. L-Għotjiet ta’ Taħriġ jappoġġjaw l-impjegati eliġibbli fis-settur pubbliku kif ukoll lill-professjonisti kulturali u kreattivi indipendenti biex iwettqu taħriġ professjonali speċjalizzat barra minn Malta jew online. Attivitajiet eliġibbli jinkludu korsijiet qosra, masterclasses, konferenzi, seminars u workshops barra minn Malta, opportunitajiet ta’ networking barra mill-pajjiż u korsijiet online. Il-finanzjament disponibbli għal kull applikant huwa ta’ massimu €2,000.

Il-ħsieb wara dawn l-għotjiet huwa li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ żvilupp li jista’ ma jkunux qed jintlaħqu fit-taħriġ li qed jingħata lokalment, filwaqt li jikkumplimenta t-tieni pilastru tal-proġett: it-Taħriġ Lokali Speċjalizzat.

Il-programm ta’ taħriġ lokali speċjalizzat jikkonsisti fi 18-il modulu maqsum b’mod indaqs fi tliet oqsma: id-Dritt għall-Kultura, is-Sostenibbiltà u l-Intraprenditorja Kreattiva. Il-moduli huma strutturati fil-Livelli MQF 3, 4 u 5 u jikkombinaw sessjonijiet wiċċ imb’wiċċ b’riżorsi ta’ tagħlim diġitali. Il-parteċipanti jistgħu jsegwu moduli individwali u jistgħu jagħżlu li jmorru għal ċertifikazzjoni akkreditata.

Id-Dritt għall-Kultura jiffoka fuq l-aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-involviment. Is-sostenibbiltà tindirizza d-dimensjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-prattika kulturali flimkien mar-reżiljenza organizzattiva. L-Intraprenditorja Kreattiva tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ tmexxija ta’ negozju, finanzjarji u intraprenditorjali meħtieġa sabiex ikun hemm iktar karrieri u organizzazzjonijiet sostenibbli u kreattivi. Id-diġitilizzazzjoni u ħiliet trasferibbli oħrajn huma inkorporati fit-tliet programmi.

Daniel Azzopardi, id-Direttur tal-Istrateġija u Mexxej tal-Proġett fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti qal li l-inizjattiva tfasslet madwar ir-realtajiet li qed tesperjenza l-forza tax-xogħol kulturali f’Malta.
“L-aċċess għall-iżvilupp professjonali strutturat mhux dejjem irnexxielu jżomm mar-ritmu tat-tkabbir fis-settur. B’mod partikolari, dan jista’ jkun ta’ sfida għall-freelancers u għal dawk li joperaw f’intrapriżi żgħar jew f’mikrointrapriżi li jista’ jkollhom inqas opportunitajiet fejn jistgħu jiddedikaw ħin u riżorsi għat-taħriġ. L-Analiżi tal-Ħtiġijiet ta’ Taħriġ għenitna nidentifikaw fejn kien hemm l-iżjed nuqqasijiet filwaqt li wrietna l-ħtieġa li nippreparaw għall-bidliet li diġà qed ibiddlu l-ħidma kulturali.”

“Iż-żewġ pilastri għalhekk kienu mfassla biex jaħdmu flimkien. B’mod importanti, il-proġett jiġbor flimkien impjegati mis-settur kulturali pubbliku, prattikanti indipendenti, negozji kreattivi u organizzazzjonijiet volontarji. Is-suċċess tal-proġett mhux se jitkejjel sempliċiment min-numru ta’ korsijiet li jsiru. Dak li jgħodd se jkun jekk il-parteċipanti jiksbux għarfien li jistgħu japplikaw fil-prattika professjonali tagħhom, jekk l-organizzazzjonijiet isirux iktar b’saħħithom u jekk is-settur jiżviluppax modi ta’ ħidma iktar sostenibbli u adattabbli.”

Il-programm tat-Taħriġ Lokali Speċjalizzat issa beda u d-Dritt għall-Kultura huwa l-ewwel qasam mit-tliet oqsma ta’ taħriġ li qed jiġi implimentat. It-taħriġ diġà ipprogressa għat-tieni modulu filwaqt li l-applikazzjonijiet għall-moduli li jmiss għadhom miftuħin bid-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom. Il-moduli tas-Sostenibbiltà, u l-Intraprenditorja Kreattiva se jsiru hekk kif jipprogressa l-proġett tul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tiegħu..

Il-parteċipazzjoni fit-taħriġ lokali hija mingħajr ħlas u hija miftuħa għall-impjegati fis-settur pubbliku, għall-professjonisti indipendenti kulturali u kreattivi, u għall-impjegati fis-settur privat jew f’organizzazzjonijiet kulturali mhux governattivi.

L-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi li qed jipparteċipaw huma l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS), Festivals Malta, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva, Pjazza Teatru Rjal, Fondazzjoni Kreattività, Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Sħab oħrajn fil-proġett jinkludu d-Direttorat Kulturali, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, MCAST, iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u r-Riċerka Ambjentali u d-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta’ Malta, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur https://artscouncilmalta.org.