Il-kollaborazzjoni toffri lill-artisti l-opportunità li joħolqu simbolu dejjiemi tal-eċċellenza fil-futbol Malti.
Il-Kunsill Malti għall-Arti (ACM) u l-Malta Football Association (MFA) ħabbru t-tnedija ta’ sejħa miftuħa għad-disinn u l-produzzjoni ta’ trofew ġdid għall-Futboler tas-Sena. L-għan tal-inizjattiva hu li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn is-setturi kulturali u sportivi, toħloq opportunitajiet professjonali għall-artisti u tiċċelebra l-wirt ta’ Malta b’rabta mal-futbol permezz tal-espressjoni artistika.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-artisti huma mistiedna jiżviluppaw kunċett oriġinali li jirrifletti l-identità, il-wirt u l-valuri tal-futbol Malti. L-artist(a) magħżul(a) se j/tingħata għotja ta’ €10,000, flimkien ma’ sa €15,000 oħra għall-manifattura, għal kull waħda miż-żewġ trofej l-ewlenin.
L-inizjattiva hija parti mill-impenn strateġiku usa’ tal-Kunsill Malti għall-Arti li joħloq opportunitajiet professjonali għall-artisti u jħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn is-setturi, f’konformità mal-prijoritajiet deskritti fl-Istrateġija 2030. Barra minn hekk, l-inizjattiva tagħti lill-prattikanti kreattivi l-opportunità li jinteraġixxu ma’ udjenzi ġodda billi testendi l-prattika artistika lil hinn mill-isfondi konvenzjonali tal-prattika kulturali.
Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-ACM, qal, “Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, qegħdin noħolqu opportunitajiet ġodda għall-artisti Maltin filwaqt li nuru kif il-kreattività tista’ tilħaq postijiet ġodda lil hinn mill-isfondi tradizzjonali tal-prattika kulturali, u tikkontribwixxi għal aspetti differenti tas-soċjetà. Din il-kollaborazzjoni tgħaqqad l-arti mal-isport, żewġ oqsma li għandhom inkomuni l-valuri tad-dedikazzjoni, il-perseveranza u l-eċċellenza. L-artist(a) magħżul(a) se jkollu/ha l-opportunità li j/toħloq xi toħloq xi ħaġa li hija iżjed minn trofew; biċċa xogħol artistika li tirrappreżenta l-kisbiet tal-futbol Malti u li se ssir parti mill-wirt sportiv tagħna għal bosta snin.”

Is-Segretarja Ġenerali tal-Malta FA, Dr Maria Azzopardi, qalet “Din hija inizjattiva innovattiva li tlaqqa’ żewġ dinjiet ta’ talent – il-futbol u l-arti – permezz ta’ kollaborazzjoni unika bejn il-Malta Football Association u l-Kunsill Malti għall-Arti. Tiċċelebra l-valuri komuni tal-kreattività, id-dedikazzjoni u l-eċċellenza, filwaqt li tipprovdi lill-artisti Maltin bl-opportunità li jħallu l-marka tagħhom fuq l-istorja tal-logħba nazzjonali tagħna. Daqstant sinifikanti hija l-introduzzjoni ta’ żewġ trofej identiċi għall-Premji tal-Futboler tas-Sena tan-nisa u tal-irġiel, riflessjoni tal-impenn tagħna biex iż-żewġ kategoriji jingħataw l-istess rikonoxximent, prestiġju u importanza.”

Il-Viċi President tal-Malta FA u ċ-Chairman tal-Kumitat tal-Premji tal-Malta FA, Adrian Casha, qal: “Il-progress iġib miegħu tiġdid kontinwu. Dan ifisser li filwaqt li l-bieb jibqa’ dejjem miftuħ għall-evalwazzjoni ta’ ideat ġodda, il-preservazzjoni tal-wirt tagħna hija dmir fundamentali għall-Malta Football Association, bħalma l-Assoċjazzjoni għandha obbligu li tgħolli l-istandard tekniku u ttejjeb ir-riżultati sportivi u infrastrutturali f’kull livell tal-futbol Malti. Huwa preċiż għalhekk li l-Kumitat Organizzattiv tal-Premji tal-Malta FA ta prijorità lill-bilanċ essenzjali bejn l-innovazzjoni u t-tradizzjoni fl-aġenda tiegħu.

Nixtiequ wkoll nesprimu l-apprezzament sinċier tagħna lejn il-Kunsill Malti għall-Arti għall-appoġġ u l-kollaborazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva. Din is-sħubija tipprovdi opportunità importanti biex niċċelebraw il-wirt tal-futbol Malti filwaqt li nesploraw modi ġodda kif nirrikonoxxu u nonoraw dawk li taw kontribut fenomenali għalih.”
Il-kummissjoni tikkonsisti minn żewġ trofej ewlenin b’disinn identiku, waħda għall-Futboler tas-Sena fost l-irġiel u l-oħra għall-Futboler tas-Sena min-nisa. Barra minn hekk, kull sena għandhom isiru repliki iżgħar biex iżommuhom dawk li jingħataw il-premju. It-trofej se jintużaw fuq perjodu ta’ għaxar snin, mill-istaġun 2026/27, u se jifformaw parti mill-kollezzjoni tal-Mużew tal-MFA.
L-applikazzjonijiet jagħlqu fid-19 ta’ Jannar 2027 f’nofsinhar, u r-riżultati se jiġu kkomunikati sal-4 ta’ Marzu 2027.
Għal-linji gwida sħaħ u d-dettalji ta’ kif tapplika, żur artscouncil.mt.