Il-ftehim se jmexxi ’l quddiem it-twettiq tal-Istrateġija 2030 permezz tal-kooperazzjoni fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-gwida professjonali fis-setturi kulturali u kreattivi.
Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet se jniedu kollaborazzjoni biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta u jippromwovu l-kreattività bħala kapaċità siewja fl-ekonomija kollha kemm hi. Il-kollaborazzjoni se ssir permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil fuq tliet snin; iż-żewġ kunsilli se jgħaqqdu l-għarfien espert tagħhom biex isaħħu r-rabtiet bejn il-prattika kulturali, il-gwida professjonali u l-ippjanar fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-ħiliet.
Il-ftehim se jservi bħala qafas biex iż-żewġ kunsilli jaqsmu l-għarfien, jikkontribwixxu għall-inizjattivi ta’ xulxin u jesploraw proġetti konġunti. L-oqsma fejn potenzjalment se jikkollaboraw jinkludu l-analiżi tad-diskrepanzi fil-ħiliet tul il-katina ta’ valur tal-produzzjoni tal-films kollha kemm hi u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet edukattivi u ta’ taħriġ fis-setturi kulturali u kreattivi inġenerali.
Il-Kunsill Malti għall-Arti se jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu fis-settur għan-Network Nazzjonali ta’ Gwida dwar il-Karrieri, sabiex jgħin jinforma d-diskussjonijiet dwar il-karrieri kreattivi, l-opportunitajiet li qegħdin ifeġġu u l-ħiliet meħtieġa biex wieħed jaħtafhom. Iż-żewġ kunsilli beħsiebhom jinvolvu lil xulxin fl-attivitajiet u l-inizjattivi rilevanti li jittrattaw il-kreattività, il-kuxjenza dwar il-ġejjieni u kif jaffettwa l-għażliet preżenti, il-ħidma biex jintlaħaq il-pubbliku u l-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur.
Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “Il-kreattività mhix biss ċentrali għas-setturi kulturali u kreattivi; hija ħila essenzjali li tista’ tikkontribwixxi għall-innovazzjoni, għall-adattabbiltà u għall-iżvilupp fl-ekonomija kollha. B’dan il-ftehim qegħdin insaħħu r-relazzjoni bejn is-setturi kulturali u kreattivi u l-ekosistema nazzjonali tal-ħiliet f’Malta, filwaqt li nagħrfu l-valur li joffru l-prattika artistika u l-ħsieb kreattiv f’diskussjonijiet dwar il-futur tax-xogħol. Din il-kollaborazzjoni toħloq ukoll opportunitajiet biex il-professjonisti kreattivi jsiru jafu b’inizjattivi ġodda, għażliet possibbli f’termini ta’ karriera u networks internazzjonali, biex b’hekk is-settur jaqdi rwol siewi fit-tfassil tal-aġenda tal-ħiliet tal-ġejjieni.”
Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, qal: “Il-kreattività hija ħila essenzjali f’kull settur. Tgħinna nsolvu l-problemi, naddattaw għall-bidla u niżviluppaw ideat ġodda. B’dan il-ftehim ta’ tliet snin, se nkunu qegħdin ngħaqqdu l-għarfien espert tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet fil-qasam tal-ħiliet mal-esperjenza tal-Kunsill Malti għall-Arti fis-setturi kulturali u kreattivi. Flimkien, se neżaminaw liema ħiliet għandna nuqqasijiet fihom, fosthom fis-settur tal-films, se nsaħħu l-gwida professjonali u se nidentifikaw opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni. Din is-sħubija tirrifletti l-konvinzjoni komuni tagħna li l-kreattività jrid ikollha rwol ċentrali biex niżguraw li Malta jkollha l-ħiliet li teħtieġ għall-futur.”
Daniel Azzopardi, id-Direttur tal-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “L-iżvilupp professjonali huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Istrateġija 2030. Biex nimplimentawh fil-prattika, irridu nifhmu fejn għandna nuqqasijiet f’xi ħiliet, kif it-taħriġ jista’ jwieġeb għal dan u xi gwida jeħtieġu n-nies meta jkunu qegħdin jikkunsidraw karriera fis-settur kreattiv. Dan il-ftehim jagħtina qafas biex naħdmu mal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet fuq dawn il-kwistjonijiet, ħalli l-ħtiġijiet tal-prattikanti fis-setturi kulturali u kreattivi jitqiesu fl-ippjanar fil-livell nazzjonali dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, huwa ta’ sostenn għal azzjonijiet speċifiċi tal-istrateġija tagħna dwar l-identifikazzjoni ta’ diskrepanzi fil-ħiliet fil-produzzjoni tal-films u fis-settur inġenerali.”
Il-ftehim joffri wkoll il-possibbiltà li tiġi esplorata l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew permezz ta’ programmi bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, ħalli jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet tal-istrateġija fejn tidħol l-internazzjonalizzazzjoni.
Għal aktar informazzjoni, żur artscouncil.mt u nscmalta.gov.mt