Il-fond ta’ €150,000 huwa mmaniġġjat b’mod konġunt mill-Uffiċċju tal-President u l-Kunsill Malti għall-Arti
Tmien proġetti ġew mogħtija total ta’ €150,000 permezz tal-Fond tal-President għall-Kreattività tal-2026, li huwa mmaniġġjat b’mod konġunt mill-Uffiċċju tal-President u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Fil-qalba tat-tmien proġetti appoġġati hemm komunitajiet u esperjenzi li jistgħu faċilment ħafna jibqgħu fuq barra tan-norma kulturali. Il-proġetti ppremjati se jaħdmu ma’ żgħażagħ, migranti u komunitajiet tar-refuġjati, persuni b’diżabilitajiet, persuni anzjani u gruppi oħra li jiffaċċjaw ostakli għall-parteċipazzjoni kulturali, billi jintużaw dixxiplini li jvarjaw mill-fotografija u t-teatru għall-mużika, ir-rakkontar ta’ stejjer, il-kitba u x-xogħol bl-injam. Il-fond joffri l-opportunità biex prattika kreattiva tintuża biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-benesseri fost komunitajiet differenti f’Malta u Għawdex.

Wara li tħabbru r-riżultati, il-benefiċjarji ġew milqugħa fil-Palazz ta’ San Anton għal żjara ta’ korteżija mal-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fejn din kienet opportunità biex jiġu diskussi l-proġetti li qed jiġu appoġġati u l-komunitajiet li huma mfasslin biex jilħqu.
Fid-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono esprimiet sodisfazzjon li l-Premju tal-President għall-Kreattività qed jirrikonoxxi inizjattivi kulturali importanti li jagħmlu kontribut tanġibbli għas-soċjetà Maltija permezz tal-arti u l-kreattività, u li l-proġetti magħżula jfittxu li jsaħħu t-tessut soċjali, sabiex ikun iffokat aktar fuq il-bniedem, iċ-ċittadin u l-ħtiġijiet tagħhom
Dr Luke Dalli, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal, “Permezz tal-Fond tal-President għall-Kreattività, qed niġu mfakkra li d-dritt għall-kultura mhuwiex biss dwar l-opportunità li tattendi attività kulturali, iżda wkoll l-opportunità li tipparteċipa, toħloq u tesprimi ruħek. Dawn it-tmien proġetti partikolarment sinifikanti billi mhumiex sempliċement il-ħolqien ta’ xi ħaġa għall-komunitajiet, iżda ħolqien mal-komunitajiet. Permezz tal-kreattività, qegħdin jiftħu spazji għan-nies biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jibnu l-kunfidenza, isaħħu r-relazzjonijiet u jiżviluppaw sens akbar ta’ appartenenza. Dan huwa fil-qalba tal-impenn tagħna biex niżguraw li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd.”
It-tmien benefiċjarji huma l-Malta LGBTIQ Rights Movement b’United in Pride; il-fondazzjoni Aditus b’Jiena Hawn! Ana Honaa!; SOSMalta bi Frame of Mind; il-Parroċċa tal-Manikata b’Ġarar Maqsuma Jroxxu l-Fwieħa; Outlook Coop bi Sculpting by Texture; is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan b’Mużika li Tgħaqqadna; Il-Maltese National Federation of the Past Pupils of Don Bosco bi Stories Untold: Every Story Matters – Creative Pathways for Youth Voices; u l-Kunsill Reġjonali tal-Port b’It-Tielet Spazju.
Il-proġetti tagħhom jinkludu arti parteċipatorja u rakkontar ta’ stejjer ma’ LGBTIQ+, migranti u komunitajiet razzjalizzati, xogħol kreattiv iċċentrat fuq l-esperjenzi ta’ nisa refuġjati Sirjani, fotografija terapewtika, teatru tal-komunità, xogħol bl-injam multisensorju għal parteċipanti b’viżta batuta, mużika komunitarja inklużiva, rakkontar ta’ stejjer kreattiv maż-żgħażagħ u inizjattivi interkulturali mfassla biex isaħħu l-appartenenza fi ħdan il-komunitajiet lokali.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività jagħmel parti mill-programm ta’ finanzjament għal skambju komunitarju tal-Kunsill Malti għall-Arti u jikkontribwixxi direttament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2030. Dan jappoġġa l-proċessi kreattivi kollaborattivi li jsaħħu l-konnessjonijiet tal-komunità, iħeġġu l-parteċipazzjoni u l-benesseri, u jiżguraw li firxa usa’ ta’ esperjenzi u ilħna jiġu rrappreżentati fi ħdan il-ħajja kulturali ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.