Il-Kunsill Malti għall-Arti jniedi katalgu għall-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 25 September 2026

Il-pubblikazzjoni tiġbor flimkien kontributi minn 18-il ħassieb u kittieb li jesploraw l-ideat fil-qalba tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-61 Biennale ta’ Venezja.

Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda l-katalgu uffiċjali ta’ No Need to Sparkle: Experiments in Love and Revolution, il-padiljun nazzjonali ta’ Malta fil-61 Wirja tal-Arti Internazzjonali – La Biennale di Venezia. It-tnedija saret fl-R Gallery f’Tas-Sliema.

Il-Padiljun ta’ Malta qed jiġi ppreżentat f’Venezja sat-22 ta’ Novembru, fejn qed jintwerew ix-xogħlijiet tal-artisti Adrian MM Abela, Charlie Cauchi u Raphael Vella taħt il-kuratriċi Margerita Pulè. Il-katalgu huwa ppubblikat minn Skira Arte u jiġbor flimkien kontributi minn 18-il ħassieb u kittieb li jindirizzaw it-temi u r-riċerka li jirfdu l-Padiljun, inkluż l-involviment politiku, il-ħsieb kritiku, id-diskors pubbliku, u r-rwol tad-dubju u l-inċertezza bħala atti ta’ reżistenza.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Dr Malcolm Paul Agius Galea qal: “Billi nieħdu x-xogħol artistiku Malti lil hinn minn xtutna u noħolqu opportunitajiet usa’ għall-artisti u l-prattikanti kulturali tagħna, huma impenji li aħna nkomplu nibdlu f’azzjoni konkreta. Il-preżenza ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja hija parti importanti ta’ dik il-ħidma, fejn l-arti kontemporanja Maltija titqiegħed fost waħda mill-pjattaformi internazzjonali l-aktar sinifikanti tad-dinja filwaqt li tagħti lill-artisti tagħna l-opportunità li jinteraġixxu ma’ udjenzi, ideat u networks professjonali ġodda. Fl-istess ħin, inizjattivi bħal dan il-katalgu u l-programm ta’ promozzjoni jiżguraw li l-valur ta’ dik il-preżenza internazzjonali jittieħed lura Malta, billi jinħolqu aktar opportunitajiet għall-udjenzi f’Malta biex jinteraġixxu mal-ħidma u l-ħsieb wara dan.”

Dr Luke Dalli, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “Il-Padiljun ta’ Malta ma jikkonċernax biss ix-xogħlijiet finali ppreżentati f’Venezja, iżda jikkonċerna wkoll l-ideat, il-mistoqsijiet, ir-riċerka u l-kollaborazzjonijiet li permezz tagħhom dawk ix-xogħlijiet kienu possibbli. Il-katalgu, flimkien mal-wirja Diamonds in the Rough u l-programm ta’ promozzjoni usa’, jagħti lill-udjenzi f’Malta opportunità sabiex jagħtu titwila lejn ix-xogħol finali minn wara l-kwinti u jinteraġixxu mal-proċessi li sawruh. Għalina, din hija parti importanti li nġibu l-esperjenza ta’ Venezja lura Malta — bil-ħolqien ta’ spazju għar-riflessjoni, id-djalogu u modi ġodda ta’ interazzjoni mal-arti kontemporanja.”

It-tnedija f’Malta tinkludi qari, konverżazzjonijiet u estratti mill-pubblikazzjoni, fejn l-udjenzi jingħataw opportunità biex jinteraġixxu aktar mill-qrib mal-ideat li sawru l-Padiljun u l-proċessi li permezz tagħhom żviluppa l-proġett. Qabel dan kien hemm tnedija bikrija tal-katalgu f’Venezja, li saret flimkien mal-artisti, il-kuratriċi u l-kreatriċi tal-identità viżiva li ħadu sehem.

L-avveniment għamel parti minn programm ta’ promozzjoni usa’ żviluppat madwar il-Padiljun ta’ Malta u li sar fl-R Gallery f’Tas-Sliema, li ppreżenta lill-udjenzi f’Malta elementi tar-riċerka, tal-proċessi artistiċi u tal-konverżazzjonijiet li wasslu għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale.

Element ċentrali tal-programm kien Diamonds in the Rough: Research Processes in the Context of No Need to Sparkle, wirja ta’ għaxart ijiem li testendi sas-27 ta’ Settembru. Il-wirja tiffoka fuq il-ħidma li ppreċediet il-Padiljun komplut, fejn ġew ippreżentati l-konverżazzjonijiet, il-vjaġġi tar-riċerka, il-materjali tas-sors u l-proċessi esperimentali li permezz tagħhom żviluppaw ix-xogħlijiet tat-tliet artisti.

Il-wirja segwiet kif issawwar il-Padiljun, hekk kif il-viżitaturi ltaqgħu mal-oqfsa kuratorjali u arkitettoniċi usa’ li jirfdu l-proġett, inklużi iterazzjonijiet differenti tat-tqassim tal-Padiljun u r-relazzjoni bejn l-iżvilupp kunċettwali tiegħu u l-għamla fiżika eventwali tiegħu. Il-katalgu nnifsu fforma parti minn din il-preżentazzjoni ffukata fuq ir-riċerka. Il-programm ta’ promozzjoni usa’ inkluda wkoll tours tal-wirja pubblika u attivitajiet maħluqa speċifikament għal udjenzi aktar żgħar.

No Need to Sparkle: Experiments in Love and Revolution tiġbor flimkien l-artisti Adrian MM Abela, Charlie Cauchi u Raphael Vella, ma’ Margerita Pulè bħala kuratriċi. L-identità viżiva tal-proġett inħolqot minn Alexandra Pace, flimkien ma’ SON Architecture bħala periti, Tamara Burr bħala maniġer tal-proġett u Kathrine Maj għall-promozzjoni ewlenija. Il-Padiljun ġie prodott minn Unfinished Art Space ma’ R Gallery.

Il-Padiljun ta’ Malta f’La Biennale di Venezia ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Għal aktar informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.