Proġetti Maltin tal-arti performattiva jispikkaw f’avveniment f’Edinburgh

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 24 August 2026

Prattikanti Maltin tal-arti performattiva ppreżentaw il-proġetti tagħhom lil professjonisti internazzjonali tal-industrija waqt avveniment ta’ pitching li ttella’ waqt il-Fringe Festival f’Edinburgh, fl-Iskozja. Dan bħala parti mill-programm ta’ żvilupp professjonali tal-Kunsill Malti għall-Arti, liema programm idum 18-il xahar u jħejji lill-prattikanti fl-arti performattiva għat-touring internazzjonali.

Dan l-avveniment offra opportunità lill-artisti Maltin sabiex japplikaw xhur ta’ mentoring u taħriġ, fejn ippreżentaw ix-xogħol tagħhom f’wieħed mill-ambjenti l-iżjed importanti fid-dinja tal-arti performattiva u hemm setgħu joħolqu konnessjonijiet diretti ma’ professjonisti oħrajn li qed jaħdmu fis-settur internazzjonali.

Waqt il-Festival, qabel ma taw il-pitch tagħhom, il-prattikanti Maltin kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ produtturi u ma’ professjonisti oħrajn tal-industrija li kienu qed jaħdmu waqt il-Festival, kif ukoll ipparteċipaw f’sessjonijiet li ffukaw fuq kif setgħu jiżviluppaw ix-xows tagħhom, mill-ewwel stadju ta’ pitching sal-produzzjoni.

Waqt il-Fringe Festival il-parteċipanti Maltin raw ukoll xogħol Malti li diġà kien qed jispikka waqt il-Fringe Festival, fejn il-grupp attenda għall-prestazzjoni The Trials of Magnus Coffinkey. Il-preżenza tal-produzzjoni fil-festival kienet eżempju f’waqtu ta’ produzzjoni Maltija li kienet qed tilħaq lil udjenzi internazzjonali fl-istess ambjent li l-parteċipanti kienu qed jitgħallmu dwaru.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea qal, “Dan jixhed l-impenn tal-Gvern li joħloq opportunitajiet internazzjonali iżjed b’saħħithom għall-artisti Maltin u għall-prattikanti kulturali. Il-fatt li qed naraw artisti Maltin jippreżentaw xogħolhom hawn f’Edinburgh huwa ta’ sodisfazzjon kbir għal kull min kien involut fil-proċess u huwa wkoll riżultat tanġibbli tad-direzzjoni li għandna għall-kultura. L-istrateġija kulturali tagħna tagħraf li d-daqs ta’ pajjiżna m’għandu qatt jiddetermina l-aspirazzjonijiet tal-artisti tagħna u dan l-investiment sostnut jgħin sabiex jiżgura li opportunitajiet internazzjonali jsiru parti integrali tal-karrieri artistiċi. Għaldaqstant aħna kommessi li nkomplu nappoġġjaw l-artisti tagħna u noffrulhom opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jibnu karrieri li jħallu effett anke lil hinn minn xtutna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli qal, “F’Edinburgh il-prattikanti tagħna ngħataw l-opportunità li japplikaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kunfidenza li żviluppaw tul il-programm tal-Kunsill. Il-pitch mhuwiex l-għan aħħari imma parti minn proċess itwal li jħejji l-artisti biex jinvolvu ruħhom ma’ professjonisti internazzjonali u jifhmu dak li huwa meħtieġ biex xogħolhom jibda jiġi ppreżentat barra minn Malta. Il-fatt li l-parteċipanti qegħdin hawn, jippreżentaw il-proġetti tagħhom u jinvolvu ruħhom direttament mal-produtturi u ma’ professjonisti oħrajn tal-industrija juri l-valur li ninvestu f’dan it-tip ta’ żvilupp professjonali sostnut.”

“Dawn l-esperjenzi jistgħu jgħinu lill-artisti biex jiżviluppaw il-prattika tagħhom, jibnu relazzjonijiet profondi u jidentifikaw opportunitajiet li jistgħu jkomplu anke wara tmiem il-Fringe Festival. L-għan tagħna hu li niżguraw li l-prattikanti Maltin huma mgħammra biex mhux biss jippreżentaw xogħolhom barra minn Malta, imma li jinnavigaw ir-realtajiet professjonali li huma parti mill-proċess ta’ meta wieħed jibni karriera internazzjonali,” sostna Dr Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fil-Kunsill Malti għall-Arti, Annabelle Stivala, spjegat li l-programm tal-Kunsill beda f’Marzu u l-għan tiegħu kien li jħejji l-artisti Maltin biex jieħdu x-xogħol tagħhom barra minn Malta. Kompliet li d-dsatax-il artist li ħadu sehem, jinsabu f’Edinburgh fejn kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ nies importanti fl-industrija fejn qed jiksbu għarfien ta’ valur bil-għan li jieħdu sehem is-sena d-dieħla bix-xogħol tagħhom stess. Stivala kompliet tispjega li t-tħejjija għal din l-esperjenza kienet tinkludi sessjonijiet prattiċi li indirizzaw aspetti essenzjali fl-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta’ xogħol internazzjonalment kif ukoll l-iżvilupp ta’ ħiliet u l-kunfidenza biex wieħed jagħmel pitching ta’ proġetti b’mod effettiv.

“Aħna kunfidenti li l-artisti issa għandhom pedament b’saħħtu li bih jistgħu jiżviluppaw xogħolhom u jkomplu jsegwu opportunitajiet ta’ touring. Din l-esperjenza hija pass importanti biex tissaħħaħ il-komunità kreattiva ta’ Malta u biex jinħolqu toroq ġodda għall-artisti Maltin li jixtiequ juru xogħolhom internazzjonalment,” sostniet Stivala.

L-inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti oriġinarjament attirat 30 applikazzjoni, fejn 19-il proġett għaddew għall-proċess tal-mentoring permezz ta’ programm li inkorpora workshops, masterclasses, skambju ta’ għarfien u taħriġ professjonali ffukat fuq it-touring internazzjonali. Il-programm jagħmel parti mix-xogħol usa’ ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u mill-investiment fit-tul tiegħu fit-tisħiħ tal-kapaċità professjonali, il-mobbiltà u n-networks internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.​​