Il-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju
Horanggasy
5 ta’ Settembru – 15 ta’ Novembru 2026
Arts Council Malta, with the support of the Ministry for Arts, Culture, and the National Heritage, announces Malta’s first-ever participation in the Gwangju Biennale, one of Asia’s most prestigious platforms for contemporary art.
Is-16-il edizzjoni tal-Biennale, li se ssir mill-5 ta’ Settembru sal-15 ta’ Novembru 2026 fi Gwangju, tipprovdi pjattaforma globali għall-prattikanti artistiċi sperimentali u innovattivi. Din l-edizzjoni bl-isem You must change your life, immexxija mill-artist u kuratur Singaporjan Ho Tzu Nyen bħala Direttur Artistiku, tesplora s-setgħa trasformattiva tal-arti fi żmien ta’ ħafna kriżijiet u urġenzi.
Il-Padiljun ta’ Malta se jimmarka dan il-pass sinifikattiv permezz ta’ BEJN / IN-BETWEEN. Din il-preżentazzjoni hija kummissjoni ġdida maġġuri li tiġbor flimkien erba’ vuċijiet artistiċi kontemporanji ewlenin mill-gżejjer Mediterranji ta’ Malta u t’Għawdex: Norbert Francis Attard, PONKS (Sam Alekksandra & Julien Vinet) u Michael Quinton. L-artisti, li qed jaħdmu flimkien bħala l-Kollettiva BEJN, se joħolqu installazzjonijiet speċifiċi għas-sit bħala parti minn residenza ta’ tliet xhur fi Gwangju, liema residenza se tiżviluppa bħala esibizzjoni kollaborattiva f’Horanggasy, waħda mill-postijiet tal-esebizzjoni ewlenija tal-Biennale. Il-proġett hu kkurat minn Moon Hyun Jeoung u mmaniġġjat minn Toni Attard.
BEJN / IN-BETWEEN tiżvolġi fi tliet spazji konnessi u bħala “punt ħaj” fejn tinbena konnessjoni bejn Malta u l-Korea – żewġ kulturi sseparati minn xulxin permezz ta’ kontinenti imma uniti permezz ta’ preokkupazzjoni maqsuma għall-komunità, ir-ritwali u r-resiljenza. Permezz tal-installazzjonijiet, il-ħoss u l-poeżija, il-proġett jesplora l-kunċett tal-‘bejn’ bħala spazju ta’ tensjoni, djalogu u trasformazzjoni.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Dr Malcolm Paul Agius Galea, qal, “Id-debutt ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju huwa pass storiku għall-pajjiżna u xhieda tal-potenzjal u l-kwalità tal-artisti u l-kreattivi Maltin. Din il-parteċipazzjoni tkompli ssaħħaħ il-preżenza kulturali ta’ Malta fuq livell internazzjonali filwaqt li tiftaħ opportunitajiet ġodda għal kollaborazzjoni, skambju u djalogu ma’ pajjiżi u komunitajiet minn madwar id-dinja.
Il-proġett BEJN / IN-BETWEEN jirrifletti b’mod qawwi kif l-arti tista’ tibni pontijiet bejn kulturi differenti u toħloq spazji għal fehim reċiproku. Bħala Gvern nibqgħu impenjati li ninvestu fil-kultura u nappoġġaw lill-artisti tagħna sabiex ikomplu jesprimu l-kreattività tagħhom u jirrappreżentaw lil Malta bl-aħjar mod possibbli fuq il-palk internazzjonali.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli qal, “L-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju timmarka pass importanti għas-settur kulturali lokali u tirrifletti r-rikonoxximent internazzjonali dejjem jikber tal-prattika artistika Maltija.
Il-Biennale, li hija waħda mill-pjattaformi ewlenin tal-arti kontemporanja fl-Asja, toffri lil artisti u persuni kreattivi Maltin esponiment u opportunitajiet internazzjonali ta’ valur għal skambji kulturali.
Permezz tat-tema ta’ BEJN / IN-BETWEEN, il-proġett jesplora l-identità, il-koeżistenza, it-tranżizzjoni, u r-rabta bejn in-nies permezz ta’ approċċ artistiku interdixxiplinarju li jikkombina l-installazzjoni, il-poeżija, il-ħoss, il-preżentazzjoni u teknoloġiji emerġenti.
Il-Kunsill Malti għall-Arti jibqa’ impenjat li jappoġġa lill-artisti u lil persuni kreattivi filwaqt li jsaħħaħ il-preżenza ta’ Malta fi pjattaformi kulturali internazzjonali, bħal fil-Biennale ta’ Gwangju.”
Fil-Poligonu tal-Arti, Norbert Francis Attard, wieħed mill-pijunieri tal-arti kontemporanja f’Malta, joħloq intervenzjonijiet spazjali li jżommu forzi konflinġenti f’tensjoni. Ix-xogħlijiet tal-arti tiegħu, ispirati mit-tradizzjonijiet tal-festi Maltin, b’ċelebrazzjonijiet vibranti fi ħdan il-komunità ddedikati lill-qaddis padrun ta’ villaġġ, u mill-prinċipji ta’ kulur Obangsaek Koreani, jesploraw il-bilanċ permezz tal-kuluri, l-elastiċità, id-dawl u l-istrutturi. Attard juża lasktijiet stirati, uċuħ b’mirja, elementi mdawlin u forom arkitetturali tal-metall u bihom jittrasforma l-ispazju f’żona ta’ moviment, pressjoni u riflessjoni. Pereżempju, PERISTYLE, skultura penetrabbli mibnija minn sezzjonijiet tal-metall vojta minn ġewwa u forom miżbugħa kulur id-deheb li jfakkru lill-ispettatur fit-tiżjin tal-festi, tpoġġi ċ-ċelebrazzjonijiet ritwali direttament kontra l-qerda kontemporanja u b’dan il-mod, toħroġ paralleli skomdi bejn il-kultura storika ta’ assedji ta’ Malta, il-kommemorazzjonijiet kollettivi, u l-kunflitti internazzjonali li għaddejjin bħalissa.

PONKS jittrasforma l-Poligonu tal-Ħġieġ f’TEMPJU TAL-ĦBULA fejn mijiet ta’ ħbula sospiżi jiffurmaw kamra ġo kamra. F’nofs it-tempju hemm struttura ta’ ħbula li tixbah lil siġra folta li tikber ’il fuq qalb l-ispazju u b’hekk, tħalli l-għeruq fl-installazzjoni kemm fiżikament kif ukoll simbolikament. Ix-xogħol tal-arti jorbot is-sinifikat ritwali ta’ Geumjul – ħbula sagri tradizzjonali Koreani maħsuba biex ikeċċu l-erwieħ ħżiena – mat-tradizzjonijiet antiki ta’ Malta bil-ħbula, minn bastimenti marittimi sa purċissjonijiet reliġjużi fejn il-ħabel isir kemm ħtieġa funzjonali kif ukoll simbolu sagru. Testi minn poeżiji Maltin u Koreani jgħattu l-ħġieġ tal-madwar u joħolqu ambjent immersiv fejn il-lingwa, il-materjali u r-ritwali jħollu l-fruntieri kulturali fissi. Il-viżitaturi jitilgħu ’l fuq permezz tal-istruttura qisha siġra lejn intervenzjoni finali fin-naħa ta’ fuq tal-bini fejn l-installazzjoni tispiċċa f’ġest mudwal imdendel fuq il-belt.

Il-Poligonu Bażi huwa l-għeruq taħt l-art tat-tempju permezz ta’ tlett ikmamar konnessi flimkien li jesploraw aspetti defferenti tal-poeżija: il-mużikalità, il-kliem, u d-dinjiet. Taħt il-Poligonu tal-Ħġieġ, l-ispazju jiżvolġi bħala kontroparti iktar kwiet u introspettiv għall-installazzjonijiet ta’ fuqu. Fl-ewwel kamra, l-ambjent akustiku ta’ Michael Quinton juża rekordings tal-postijiet, liema rekordings ittieħdu f’postijiet f’Malta u fil-Korea u jikkombina l-manipulazzjoni sonika, ir-reżonanza, is-silenzju u l-ħsejjes immersivi tal-madwar. Ix-xogħol tal-arti jittratta l-ħoss bħala kundizzjoni tal-eżistenza u joħloq ambjent ta’ smigħ profond u ta’ riflessjoni.

Barra minn hekk, il-programm tal-Portall jospita skambju bejn artisti Maltin u Koreani li jagħmlu l-performances tagħhom f’postijiet varji u jistieden lill-udjenzi fid-dinjiet viżwali u għat-tweġibiet personali tal-poeti u tal-performers f’relazzjoni mal-ambjenti tagħhom. L-aħħar kamra hi ddedikata lil antroloġija: pubblikazzjoni sperimentali li tiddokumenta l-proċess kreattiv, il-kontribuzzjonijiet poetiċi u l-iskambji artistiċi u li toffri lill-viżitaturi “framment” tanġibbli tal-bejn sabiex jieħduh magħhom.
Id-debutt ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju jimmarka mument importanti għall-ambjent kulturali kontemporanju ta’ Malta u jippreżenta l-prattika artistika Maltija fi ħdan kuntest internazzjonali ta’ skambju u djalogu. BEJN / IN-BETWEEN jirrifletti l-impenn tal-Kunsill Malti għall-Arti li jappoġġa xogħlijiet t’arti kontemporanji ambizzjużi li jilħqu lil udjenzi minkejja l-fruntieri, dixxiplini u komunitajiet differenti.
Il-Padiljun ta’ Malta li hu mmexxi mid-Direttorat Kulturali Internazzjonali taħt Annabelle Stivala, jippożizzjona lid-diplomazija kulturali bħala proċess attiv ta’ inkontri, kollaborazzjoni u immaġinazzjoni maqsuma bejn Malta u l-Korea t’Isfel.
BEJN / IN-BETWEEN is commissioned by Arts Council Malta and supported by the Ministry for Foreign and European Affairs and the Cultural Diplomacy Fund.