Il-Kunsill Malti għall-Arti jniedi l-ewwel showcase Maltija għall-Edinburgh Fringe Festival

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 25 April 2026

20 applikant ġew magħżula għal programm ta’ żvilupp professjonali maħsub biex iħejjihom għall-isfidi li jġib miegħu t-touring internazzjonali.

Il-Kunsill Malti għall-Arti ta bidu għal inizjattiva ġdida ta’ internazzjonalizzazzjoni fejn, għall-ewwel darba, se tinħoloq opportunità għal showcase Maltija ġewwa l-Edinburgh Fringe Festival. Permezz ta’ din l-inizjattiva, diretturi, produtturi, u prattikanti fl-arti performattiva qed jingħataw l-opportunità unika ta’ taħriġ sabiex ikunu aktar imħejjija għat-touring.

Il-programm inħoloq bil-ħsieb li ma jkunx limitat għal opportunità waħda, iżda se jipprovdi qafas strutturat ta’ żvilupp professjonali fuq medda ta’ 18-il xahar.

L-inizjattiva qajmet interess qawwi mis-settur, bi 30 applikazzjoni u firxa wiesgħa ta’ proġetti. L-applikazzjonijiet kollha għaddew minn proċess ta’ evalwazzjoni, b’20 applikant magħżula għall-istadju li jmiss.

Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, stqarr: “Din l-inizjattiva turi b’mod ċar kif l-impenji elettorali li sawru l-Istrateġija 2030 diġà qed jiġu mwettqa fil-prattika. Wegħdna li ser noħolqu opportunitajiet internazzjonali aktar b’saħħithom għall-artisti u l-prattikanti kulturali Maltin, u dan il-programm huwa eżempju ċar ta’ kif dak l-impenn qed iwassal għal opportunitajiet reali.

“Din l-inizjattiva mhix qed isseħħ f’iżolament. L-impenn tagħna lejn l-internazzjonalizzazzjoni qed jitwettaq f’diversi oqsma tal-arti u l-kultura, b’mod li jirrifletti l-firxa u l-ambizzjoni tas-settur innifsu. Flimkien ma’ inizjattivi fil-qasam tal-arti performattiva, infakkru wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Gwangju Biennale, f’La Biennale di Venezia, u l-London Design Biennale, kif ukoll l-opportunitajiet ġodda li nfetħu għall-industrija tal-films permezz tal-Eurimages. Dan kollu mhux biss jirrifletti d-direzzjoni tal-Istrateġija 2030, iżda ukoll tal-Malta Vision 2050, li tqiegħed il-firxa internazzjonali, il-kollaborazzjoni u l-mobbiltà kulturali fil-qalba tal-iżvilupp futur ta’ Malta.”

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ ACM qal “Dan il-programm jibda b’ideat li għandhom potenzjal reali li jsiru produzzjonijiet u stejjer li jivvjaġġaw lil hinn minn xtutna. Minn 30 applikazzjoni mimlija viżjoni, għażilna 20 li issa se jidħlu f’programm intens ta’ 18-il xahar, maħsub biex imexxihom minn stadju ta’ kunċett sa opportunitajiet internazzjonali konkreti. Dan mhuwiex biss eżerċizzju ta’ parteċipazzjoni, iżda investiment fit-tkabbir tal-artisti u fil-potenzjal tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nibnu pipeline ċara – mill-idea, għall-iżvilupp, sal-esponiment internazzjonali – bil-qofol ikun il-Malta Showcase fl-Edinburgh Fringe tal-2027. Għalina, is-suċċess jitkejjel mhux biss minn min jasal sal-aħħar, iżda mill-opportunitajiet li noħolqu tul it-triq. Dan huwa impenn fit-tul lejn il-karrieri tal-artisti tagħna u lejn kif Malta tidher u tinstema’ fuq livell internazzjonali.”

Annabelle Stivala, Kap tad-Direttorat tal-Internazzjonalizazzjoni fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet: “Dan il-programm ġie mfassal bil-għan li jindirizza l-ħtiġijiet tas-settur lokali. Wettaqna analiżi fil-fond tal-isfidi li l-industrija lokali qed taffaċċja, u użajna l-għarfien li ksibna bħala bażi għal dan il-programm ta’ taħriġ. B’hekk, issa nistgħu ngħammru lill-artisti tagħna bl-għodda li għandhom bżonn biex jikbru u jirnexxu. Għalhekk, il-programm jiġbor fih workshops, mentoraġġ, networking mal-industrija u skambju bejn pari. L-inizjattiva ser toffri spazju fejn il-parteċipanti jsibu sostenn sabiex jirriflettu fuq l-isfidi, jittestjaw l-ideat, isaħħu l-proġetti tagħhom, filwaqt li jibnu aktar kunfidenza fl-iżvilupp internazzjonali tagħhom. Il-Kunsill mhux biss jappoġġja tħejjija aktar b’saħħitha għal opportunitajiet lil hinn minn xtutna, iżda wkoll qed joħloq qafas għall-parteċipazzjoni fl-Edinburgh Fringe Festival permezz ta’ sessjoni ta’ pitching għall-proġetti magħżula. L-għan aħħari huwa li dawn ikunu jistgħu jippreżentaw ix-xogħol tagħhom b’kunfidenza tul l-edizzjoni tal-2027.”

L-20 applikant li ġew magħżula s’issa se jieħdu sehem f’sensiela ta’ workshops li jikkonsistu f’taħriġ fil-produzzjoni għall-esportazzjoni u t-touring. Dawn ser ikunu mmexxija minn professjonisti tal-industrija. L-għażla aħħarija ta’ proġetti li jgħaddu għas-sessjoni tal-pitching issir minn panel t’evalwaturi esperti fil-qasam.

Lejn l-aħħar fażi tal-programm, il-Kunsill Malti għall-Arti se jidħol f’diskussjonijiet ma’ programmaturi, ġestituri ta’ festivals, u rappreżentanti ta’ siti sabiex jiġi identifikat liema proġetti jistgħu jintgħażlu għall-preżentazzjoni bħala parti mid-delegazzjoni Maltija fl-2027. L-applikanti li ma jintgħażlux għall-pitching xorta waħda se jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fi skema ta’ internship fil-festival innifsu.

Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva żur is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq www.artscouncilmalta.gov.mt.

Skip to content