Jitħabbru riżultati tal-fond Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 22 January 2026

Investiment ta’ 1.5M fuq medda ta tlett snin

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-riżultati tal-fond Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali taħt il-Kunsill Malti għall-Arti.

Dan il-programm joffri appoġġ finanzjarju lil organizzazzjonijiet volontarji li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi għal attivitajiet li se jitwettqu bejn l-2026 u l-2028.Investiment ta’ 1.5M fuq medda ta tlett snin.

Is-sejħa kienet indirizzata lil organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi f’Malta. Permezz ta’ dan il-programm, l-organizzazzjonijiet eliġibbli ser jibbenefikaw minn appoġġ strutturat sabiex ikunu jistgħu jippjanaw, jiżviluppaw u jimplimentaw attivitajiet allinjati mal-prijoritajiet tas-settur.

Il-Ministru Bonnici qal, “Dan l-investiment jirrifletti impenn ċar li nipprovdu lis-settur kulturali aktar stabbiltà u kontinwità, f’konformità mal-impenji meħuda matul il-proċess elettorali. Il-programm jagħti lill-organizzazzjonijiet kulturali volontarji l-possibbiltà li jippjanaw fuq perjodu itwal, minflok ma jkunu marbuta ma’ ċikli qosra ta’ finanzjament.

“Dan l-approċċ jirrifletti ukoll l-għanijiet ta’ Viżjoni 2050, li tqiegħed il-kultura fi ħdan infrastruttura usa’ li tgħaqqad l-iżvilupp soċjali u l-benesseri tal-komunità. Ekosistema kulturali b’saħħitha tiddependi ukoll fuq organizzazzjonijiet b’saħħithom, li jkollhom il-governanza u l-ippjanar meħtieġa sabiex joperaw b’mod responsabbli u effettiv. Għalhekk, l-investiment pubbliku permezz ta’ dan il-programm m’huwiex indirizzat biss lejn l-attività, iżda wkoll lejn l-iżgurar li l-kultura tibqa’ aċċessibbli, konsistenti u msejsa fil-komunitajiet madwar Malta.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli, feraħ lil dawk kollha li qed jibbenefikaw minn dan il-fond, u qal li “ir-riżultati li qed inħabbru llum huma frott ta’ proċess serju u kompetittiv. Proċess ibbażat fuq kriterji ċari, evalwazzjoni indipendenti u governanza tajba. Applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet volontarji li wrew viżjoni, impenn u potenzjal li jagħmlu differenza. Qegħdin inħarsu lejn il-kwalità, il-valur artistiku u l-proċess kreattiv.”

Dalli rrefera għar-rizultati u kif dawn jiġu determinati, “skont x’valur artistiku u kulturali qed ikun proponut u mhux skont min qed jipproponieh. Għaliex kultura b’saħħitha teħtieġ libertà, integrità u maturità.Nemmnu li kultura b’saħħitha teħtieġ strutturi b’saħħithom warajha.Din hija wkoll stedina. Stedina biex dawn l-organizzazzjonijiet ikomplu jinvestu fil-kollaborazzjoni u fil-kwalità.Din l-inizjjativa turi kif il-finanzjament kulturali għandu jaħdem, trasparenti, ibbażat fuq il-mertu u indipendenti minn kull ħaġa oħra.”

Is-sejħa kienet strutturata fuq żewġ fergħat, bl’ewwel fergħa tiffoka fuq il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tan-negozju, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-governanza, l-ippjanar u s-sostenibbiltà operattiva tal-organizzazzjonijiet. It-tieni fergħa tappoġġja l-iżvilupp u t-twettiq ta’ inizjattivi kulturali rikorrenti, li joħolqu opportunitajiet professjonali għall-artisti u jikkontribwixxu lejn l-involviment kontinwu tal-udjenzi, skont il-linji gwida u r-regolamenti applikabbli.

L-organizzazzjonijiet magħżula jirrappreżentaw firxa ta’ dixxiplini u approċċi fis-setturi kulturali u kreattivi, inkluż it-teatru, żfin, arti viżiva u legat kulturali, filwaqt li isaħħu prinċipji bħad-diversità, id-drittijiet tal-artist u il-governanza.

Għal aktar informazzjoni, inklużi d-dettalji tal-organizzazzjonijiet magħżula, żuru https://artscouncilmalta.gov.mt.

Skip to content