200 impjegat fis-settur pubbliku li jaħdmu fil-qasam kulturali se jgawdu minn titjib fil-kondizzjonijiet tagħhom

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 17 October 2025

Il-Ministeru għall-Artijiet, Kultura u Gvern Lokali, id-Diviżjoni People and Standards u l-Kunsill Malti għall-Arti ħabbru t-tlestija ta’ proċess amministrattiv li bis-saħħa tiegħu 200 impjegat fis-settur pubbliku fil-qasam kulturali se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Bis-saħħa ta’ strument amministrattiv imsejjaħ Direttiva 7 li ġie ffirmat illum, twettaq pass importanti lejn pagi aħjar għall-professjonisti u l-ħaddiema pubblici fis-settur tal-arti u l-kultura f’Malta.

Din id-direttiva tistabbilixxi struttura unifikata ta’ pagi li tiżgura prinċipji ta’ ugwaljanza, trasparenza u sostenibbiltà fost l-entitajiet kulturali kollha li għandhom rwol dirett fil-ġestjoni u l-promozzjoni tal-arti fil-pajjiż.

Fost dawn insibu: il-Kunsill Malti għall-Arti, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Performattiva (Żfin Malta, Teatru Malta, Kor Malta), Pjazza Teatru Rjal, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Spazju Kreattiv, Festivals Malta, Teatru Manoel, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-MICAS.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li b’dan il-pass, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-viżjoni tiegħu biex jippromwovi settur artistiku professjonali u rispettat.

“Din l-inizjattiva tħares lejn futur fejn l-impjegati pubbliċi li tant għandhom passjoni lejn is-setturi kreattivi jingħataw valur għall-ħiliet tagħhom, jiġu appoġġjati b’aktar opportunitajiet, u jkunu parti minn ekosistema kreattiva sostenibbli. L-għan hu li l-arti f’Malta tibqa’ forza vibranti, inklużiva u ta’ ispirazzjoni li tgħaqqad lill-komunità, ” qal Dr Bonnici.

Il-mekkaniżmu l-ġdid jipprovdi bażi ta’ salarji stabbilita sal-2029, biex joffri stabbiltà finanzjarja tul is-snin li ġejjin. Id-direttiva tinkludi wkoll mekkaniżmu ċar għall-applikazzjoni tal-COLA, sabiex kull ħaddiem fis-settur jibqa’ protett b’mod proporzjonat u ġust kontra ż-żieda fil-għoli tal-ħajja.

Il-proċess kien frott ta’ konsultazzjoni estensiva bejn il-Ministeru għall-Kultura, id-Diviżjoni People and Standards, il-Kunsill Malti għall-Arti u r-rappreżentanti tal-entitajiet kollha kkonċernati, bil-għan li jinħoloq livell ġdid ta’ professjonalità u rikonoxximent fil-karrieri kulturali u artistiċi.

Fid-diskors tiegħu, Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal:
“Direttiva 7 mhix biss dokument amministrattiv. Hija dikjarazzjoni ta’ fiduċja u rispett lejn il-professjonisti kollha tal-arti u l-kultura li ta’ kuljum jaħdmu biex jagħmlu differenza fil-ħajja soċjali, edukattiva u spiritwali ta’ Malta. Din id-direttiva hija għalihom – u hija wkoll garanzija li minn hawn ’il quddiem, il-passjoni għall-arti se tkun akkumpanjata minn ġustizzja fil-ħlas.”

Dr Dalli rringrazzja lill-Ministeru lid-Diviżjoni People and Standards, lis-Segretarju Permanenti, lill-entitajiet kollha involuti u lill-ħaddiema tas-settur kulturali li, għal snin twal, taw kollox minn qalbhom biex isaħħu l-ħajja kulturali tal-pajjiż.

Skip to content