It-tema magħżula għal din l-edizzjoni tas-summit hija: F’Salib it-Toroq? It-Tmexxija Kulturali fis-Seklu 21. Edizzjonijiet oħra ta’ dan is-summit kienu organizzati fil-Kanada, Singapore, l-Ingilterra, l-Afrika t’Isfel, l-Awstralja u ċ-Ċilì, u kienu xhieda tal-potenzjal tagħhom biex iqanqlu kooperazzjoni internazzjonali, tagħlim u qsim tal-informazzjoni għall-aġenziji li jagħtu sapport lill-arti, artisti, managers tal-arti u dawk li jfasslu l-politika tal-arti u l-kultura madwar id-dinja.
Fis-summit se jieħdu sehem aktar minn 400 rappreżentant tal-gvernijiet,managers tal-arti, nies li jaħdmu fl-oqsma tal-kultura u oħrajn li jfasslu l-politika tal-arti minn madwar id-dinja. Dawn se jiltaqgħu f’Malta biex jieħdu sehem fi programm ta’ dibattitu, tagħlim u qsim tal-informazzjoni.
Is-summit se jkun organizzat mill-International Federation of Arts Councils and Culture Agencies (IFACCA) u l-Kunsill Malti għall-Arti, l-aġenzija nazzjonali tal-gvern Malti għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi.
Id-direttur tal-programm tas-7 edizzjoni tas-summit se tkun Dr Nina Obuljen, esperta fil-qasam tal-politika kulturali u tal-media b’interess partikolari fuq id-diversità kulturali u r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni kulturali fuq livell internazzjonali.
Il-bord tal-IFACCA, immexxi miċ-chair Stephen Wainwright, Kap Eżekuttiv ta’ Creative New Zealand, se jiltaqa’ f’Malta bejn it-18 u d-19 ta’ Novembru biex jiddiskuti l-pjanijiet għas-summit. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-bord tal-IFACCA f’dan l-indirizz: http://ifacca.org/board/. Se jattendu wkoll id-Direttur Eżekuttiv – Sarah Gardner, u d-Deputat Direttur – Magdalena Moreno, tal-kwartieri ġenerali tal-IFACCA f’Sydney.
Aktar informazzjoni dwar il-World Summit on Arts and Culture tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku – www.artsummit.org – li qed jitnieda llum, it-18 ta’ Novembru.
Noti addizzjonali
World Summit on Arts and Culture: Il-World Summit on Arts and Culture għandu l-għan li jipprovdi lill-kunsilli nazzjonali tal-arti, ministeri tal-kultura u agenziji oħra, opportunità li jiddiskutu suġġetti importanti li jaffettwaw is-sapport pubbliku għall-arti u l-kreattività.
Il-Kunsill Malti għall-Arti: Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi. L-għan tal-kunsill huwa li jmexxi ‘l quddiem il-kultura Maltija permezz tal-forom kollha tal-espressjoni kreattiva, li jżid l-aċċessibbiltà għall-arti u li jtejjeb il-wirt kulturali Malti kemm f’Malta kif ukoll barra.
IFACCA: L-International Federation of Arts Councils and Culture Agencies (IFACCA) hija għaqda globali ta’ aġenziji nazzjonali għall-finanzjament tal-arti. Imwaqqfa f’Diċembru tas-sena 2000, l-għan tal-IFACCA huwa li ttejjeb il-kapaċità u l-effikaċja tal-aġenziji tal-gvern għall-finanzjament tal-arti biex tibbenefika s-soċjetà permezz ta’ networking, sapport pubbliku u arti ta’ riċerka. L-IFACCA waqqfet il-World Summit on Culture and the Arts, summit li jkun organizzat darba kull tliet snin bl-għan li jipprovdi lill-kunsilli nazzjonali għall-arti, ministeri tal-kultura u aġenziji oħra l-opportunità li jiddiskutu suġġetti importanti dwar is-sapport pubbliku għall-arti u l-kreattività. Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-organizzazzjoni,www.ifacca.org.
Nina Obuljen: Dr Obuljen hija research fellow fl-Institute for Development and International Relations (IRMO) fil-Kroazja, u mill-2006 sal-2008, kienet ukoll Assistent Ministru fil-Ministeru tal-Kultura fil-Kroazja. Fl-2004 irċeviet il-European Cultural Policy Research Awad għar-riċerka tagħha fuq l-impatt tat-tkabbir tal-UE fuq il-politika kulturali, riċerka li ppubblikat fil-ktieb ‘Why We Need European Cultural Policies: Impact of EU Enlargement on Countries in Transition’.
Bħala Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Kultura, Dr Obuljen kienet responsabbli għas-setturi tal-arti, kultura u l-media. Hija kienet membru tat-tim għan-negozjati għad-dħul fl-UE responsabbli għall-oqsma tal-kultura, edukazzjoni kif ukoll l-informazzjoni u l-media. Kienet kap tad-delegazzjoni Kroata għan-negozjati waqt il-UNESCO Convention on Diversity of Cultural Expressions (2004-2005) u chairperson tal-Intergovernmental Committee of the Convention (2010). Fl-2013 irċeviet l-Order of Arts and Letters mill-Ministeru tal-Kultura Franċiż.
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi: Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija waħda mill-iktar postijiet eċċezzjonali fil-Belt Valletta. Fit-tarf tal-peniżola tal-belt, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għandha veduti sbieħ tal-Port il-Kbir. Din il-binja, li kienet magħrufa bħala s-Sacra Infermerija, għal aktar minn żewġ sekli kienet tintuża bħala sptar mill-Ordni ta’ San Ġwann.